PM jgħid li Schembri ssagrifika l-libell biex toħroġ il-verità fl-inkjesta

Read in English.

Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li c-Chief of Staff tiegħu Keith Schembri ma riedx jixhed f’kawża ta’ libell biex ma jippreġudikax l-inkjesta li qed issir dwar l-istess każ.

Meta kien qed jitkellem f’attività politika fir-Rabat, il-Prim Ministru Muscat ddefenda lic-Chief of Staff tiegħu billi qal li ġie f’sitwazzjoni li kieku rrisponda għall-mistoqsijiet fil-libell li għamel kontra Simon Busuttil, l-inkjesta maġisterjali kienet taqa’. Skont il-Prim Ministru, Schembri rraġuna li fiċ-ċirkostanzi kien ikun aħjar li jaqa’ l-libell u l-verità toħroġ fl-inkjesta.

Il-PN iressaq mozzjoni biex jitkeċċa Keith Schembri

Muscat ddeskriva din s-sitwazzjoni bħala waħda kumpless u stqarr li ħa madwar sagħtejn u kiteb diversi noti biex seta’ jifhem iċ-ċirkustanzi filwaqt li stqarr li Schembri ħa l-aħjar deċiżjoni.

Dwar l-oġġezzjonijiet li l-avukati ta’ Schembri għamlu dwar l-Maġistrat Victor Axiaq, Muscat qal li Schembri kien ċerti li se jirbaħ il-libell u ma riedx li d-deċiżjoni tinbidel fi stadju ta’ Appell minħabba li Axiaq kien avukat tiegħu.

La żammejt Chief of Staff korrott int korrott bħalu – Busuttil lill-PM

Il-Prim Ministru qal li hu ta eżempju bħala Prim Ministru lil sħabu fil-Partit Laburista fejn iltaqa’madwar mejda mal-familijari tal-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia, fejn kulħadd ċeda biċċa u s-sens komun rebaħ u  tintleħaq ftehim wara ġimgħa ta’ diskussjonijiet.

Inkjesta Daphne: Ftehim bejn il-Gvern u l-familja

Huwa qal li hi r-responsabilità tiegħu li jiżgura li kulħadd ikun trattat l-istess filwaqt li jiġu salvagwardati l-istituzzjonijiet tal-pajjiż.

Il-Prim Ministru ndirizza ukoll il-problemi ambjentali fejn stqarr li filwaqt li l-poplu qed jistaqsi u juri dwejjaq tiegħu dwar id-deċiżjonijiet li qed jittieħdu fil-qasam tal-Ippjanar u l-Ambjent, iżda l-istess nies jafdaw lill-Partit Laburista biex isolvihom.

“Muscat tilef il-kreddibiltà biex jiddefendi lil Keith Schembri” – PN

Il-Partit Nazzjonalista sostna li Muscat ma jista’ qatt ikun kredibbli meta se jibqa’ jiddefendi lil Keith Schembri. Qal li kull ġurnata li Keith Schembri se jibqa’ jżomm postu hija konferma ċara li għandu saħħa ħafna aktar mill-Prim Ministru. Il-PN insista li meta Schembri waqqa’ l-libell li fetaħ hu stess kontra Simon Busuttil, iċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri kkonferma li għandu x’jaħbi. “Minflok keċċieh, Joseph Muscat qed jibqa’ jagħżel li jiddefendih u minflok iħares l-interess nazzjonali qed iħares l-interessi tiegħu u taċ-Chief of Staff tiegħu.”