Id-deċiżjoni fuq l-immigranti kellha l-appoġġ tal-poplu – Muscat

Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li bid-deċiżjonijiet li ħa fil-kriżi li ġabet il-kwistjoni tad-49 immigrant li kienu fuq vapuri ta’ għaqdiet mhux governattivi, kellu l-appoġġ tal-maġġoranza tal-poplu Malti u ġab l-ammistrazzjoni tal-pajjiżi l-oħra tal-Unjoni Ewropea.

Meta kien qed jitkellem waqt attività politika f’Ħaż-Żabbar, il-Prim Ministru qal li f’din il-kwistjoni Malta ddaħħlet bejn il-basla u qoxritha wara li fi kliemu l-pajjiżi responsabbli f’dik id-dgħajsa ħallew lill-immigranti jitlajjaw fl-ibħra Malti.  Il-Prim Ministru qal li minkejja li din is-sitwazzjoni żdiedet il-pressjoni fuq Malta, hu żamm sod għal prinċipju li jekk pajjiż għandu regoli x’josserva, l-għaqdiet mhux governattivi għandhom ir-regoli tagħhom.

Huwa qal li ħafna mill-kritika għall-pożizzjoni li ħa l-Gvern wasslet min-nies minn wara keyboard ta’ kompjuter.

Muscat qal li l-Gvern Malti jrid iżomm bilanċ bejn żewġ estremi, min irid li Malta ssir free for all u dgħajjes jidħlu qisu mhu xejn u oħrajn li jħallu d-dgħajjes fil-baħar.

Il-Prim Ministru qal li l-pożizzjoni ta’ Malta ġiet apprezzata mill-pajjiżi oħra tal-Unjoni Ewropea, tant li nofs il-mitejn immigrant li daħlu qabel dan il-grupp se jittieħdu mill-pajjiżi Ewropew minkejja li ma kinux obbligati.

“Malta waħda mill-20 pajjiż ikklassifikati bħala demokrazija sħiħa”

F’Ħaż-Żabbar il-Prim Ministru tkellem ukoll dwar kif Malta reġgħet ġiet ikkwalifikata
bħala wieħed minn 20 pajjiż minn madwar id-dinja li huma klassifikati bħala
demokrazija sħiħa.

Hawn żvela kif fil-ġimgħat li ġejjin se tibda l-konsultazzjoni pubblika li se tara kif
se jitwettaq il-pjan, approvat mill-poplu, biex iktar nisa jkunu fil-Parlament.

Muscat jiddefendi lil Delia

Waqt id-diskursata politika, Muscat ħareġ jiddefendi l-pożizzjoni tal-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia fejn qal li grupp fi ħdan il-Partit Nazzjonalista msejħa ‘Powers to Be’ ma jridux jirrispettaw l-għażla popolari li għamel il-poplu Nazzjonalista. Huwa qal li din hija karatteristika ta’ individwi fi ħdan il-Partit Nazzjonalista, li filwaqt li jisħqu dwar ir-rispett lejn il-liġi (Is-Saltna tad-Dritt), din il-ġimgħa stess ħarġu jikkritikaw il-qrati Maltin wara li tilfu kawża wara dak li sejjaħ gideb fuqu u fuq individwi oħra fil-Partit laburista.

“Kienet tkun sitwazzjoni tal-biża’ kieku l-PN rebaħ fl-2017”

Huwa qal li kienet tkun sitwazzjoni tal-biża’ għall-pajjiż, li kieku l-Partit Nazzjonalista rebaħ l-elezzjoni tal-2017, għax issa l-partit jinsab f’sitwazzjoni fejn lanqas kapaċi jorganizza ruħu fl-Oppożizzjoni.

Muscat tkellem dwar rapport li deher fil-mezzi tax-xandir dwar ir-reklamazzjoni tal-art fix-Xgħajra ta’ Ħaż-Żabbar. Fisser li kien hemm xi ħadd, mhux min-naħa tal-
Gvern, li żvela rapport mhux konkluż. Huwa qal li  l-Gvern mhu
se jagħmel xejn li jweġġa’ lin-Nofsinhar jew lil xi mkien ieħor fil-pajjiż. Huwa qal li r-riklamazzjoni tal-art tibqa’ fuq l-aġenda tal-Gvern, iżda b’metodi li ma jweġġgħu lil
ħadd.

Bżonn Avukati Ġenerali u Kummissajru tal-Pulizija li ma jobdux l-ordnijiet mogħtija lilhom – PN

Fi stqarrija, il-Partit Nazzjonalista qal li l-Prim Ministru Joseph Muscat għandu jara li għandu jara li l-istituzzjonijiet ma jibqgħux maħkuma mill-Gvern immexxi minnu. Qal li għandu jara li l-Avukat Ġenerali u l-Kummissarju tal-Pulizija ma jkunux hemm biex jobdu l-ordnijiet mogħtija lilhom.

Il-PN qal ukoll li l-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia għandu jingħata kopja sħiħa tar-rapport dwar l-inkjesta dwar il-kumpanija Egrant.