“PM b’ħafna poter; nuqqas ta’ bilanċi u kontrolli”

Il-Kummissjoni Venezja, il-kummissjoni Ewropea dwar id-demokrazija permezz tal-liġi, ikkonkludiet li Malta għandha Prim Ministru b’ħafna poter. Spjegat li minkejja li s-sistema ta’ Malta hi bħal tar-Renju Unit, f’Malta l-Prim Ministru għandu pożizzjoni b’saħħitha biex jaħtar il-ġudikatura u fi kliemha dan iwassal għan-nuqqas ta’ bilanċi u kontrolli.

Il-Kummissjoni qalet dan fir-rapport li ħarġet bl-opinjoni tagħha dwar l-arranġamenti kostituzzjonali, il-poteri, l-indipendenza tal-Qrati u l-infurzar tal-liġi f’Malta.

“Il-ħatriet mill-PM għandhom jonqsu”

Il-Kummissjoni saħqet li għandhom jonqsu l-ħatriet li jsiru mill-Prim Ministru b’mod partikolari għall-kummissjonijiet indipendenti u segretarji permanenti. Issostni li ħatriet ta’ positions of trust għandhom ikunu limitati u għandu jkun hemm bażi għal dan it-tip ta’ ħatriet.

Irrimarkat li l-Gvern għandu obbligu internazzjonali li jassigura li l-midja u s-soċjetà ċivili jkollhom rwol attiv fi kwistjonijiet pubbliċi li l-awtoritajiet huma responsabbli għalihom.

“Poter lill-PM li juża d-dixxiplina tal-partit fuq l-MPs”

Il-Kummissjoni nnutat li l-Kostituzzjoni Maltija tagħti iktar poter lill-Prim Ministru li juża d-dixxiplina tal-partit fuq il-Membri Parlamentari. Kompliet tgħid li l-Kostituzzjoni ta’ Malta hi bbażata fuq it-teorija u l-prattika tal-Kostituzzjoni Ingliża, dik Maltija ma kinitx tipika ta’ arranġamenti kostituzzjonali tar-Renju Unit. Spjegat li dan minħabba li l-Parlament huwa kamra waħda minflok maqsum f’żewġ kmamar u li dan ifisser li m’hemmx il-Kamra ta’ Fuq li tiċċekkja d-deċiżjonijiet mill-Kamra t’Isfel.

“Ir-riformi tal-Gvern mhumiex biżżejjed”

Filwaqt li laqgħet l-aħbar li l-Gvern Malti diġà skatta proċess għar-riformi, saħqet li “dawn ir-riformi mhumiex biżżejjed”.

“Backbenchers jokkupaw karigi importanti u b’salarju”

Il-Kummissjoni Venezja nnutat li fl-aħħar snin diversi backbenchers parlamentari spiċċaw jokkupaw karigi importanti bħal kummissarji ta’ kummissjonijiet pubbliċi u li għandhom salarju għal dan ix-xogħol. Innutat ukoll li l-MPs jirċievu salarju ta’ ħidma part-time u fl-osservazzjoni li għamlu dan iffisser li l-abilità tagħhom li jaħdmu indipendentament tiġi affettwata mill-Eżekuttiv.

Wara l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia…

L-Opinjoni mill-Kummissjoni Venezja ġiet wara li ntalbet miċ-Ċerpersin tal-Kumitat tal-Affarijiet Legali fl-Assemblea Parlamentari fil-Kunsill tal-Ewropa (PACE) fid-dawl tar-rapport dwar l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. Fir-rapport saret enfasi li l-iskop tat-talba kien biss dwar l-arranġamenti kostituzzjonali u li l-Kummissjoni m’għandhiex mandat jew kompetenza biex teżamina kemm hi effettiva investigazzjoni kriminali partikolari.

Wara ntbagħtet talba mill-Ministru għall-Ġustizzja Owen Bonnici biex tingħata opinjoni dwar l-istrutturi legali u istituzzjonali ta’ Malta.

Skont ir-rapport ta’ PACE, il-Ministru Owen Bonnici nsista li l-Gvern implimenta “riforma legali ambizzjuża”. Fost l-affarijiet li semma mal-Kummissjoni kien hemm fost l-oħrajn il-liġi li tneħħi l-preskrizzjoni dwar każijiet ta’ korruzzjoni  ta’ nies li kienu fil-politika, l-att dwar il-protezzjoni tal-whistleblower, l-att dwar finanzjament tal-partiti, il-liġi dwar il-midja u defamazzjoni, il-liġi dwar l-istandards fil-ħajja pubblika, fost oħrajn.