Plumber Ingliż jaħdem b’xejn lill-anzjani u lill-morda

Ritratt: Instagram/depherUK

Timmaġinaw li tqabbdu plumber biex jahħmel xi xogħol fid-dar u meta tirċievu l-kont l-ammont dovut ikun ta’ €0?

Dan hu l-kont li persuni morda jew b’diżabilità bdew jirċievu meta bdew jinqdew bis-servizzi ta’ ċertu James Anderson fir-Renju Unit.

F’dawn l-aħħar sentejn għamilha l-missjoni tiegħu li jgħin nies vulnerabbli wara li ra kif kien hemm min japprofitta ruħu minn dawn in-nies.

Sfortunatament iżda dan il-fatt wasslu biex kważi jfalli finanżjarjament. Iżda wara li persuna partikolari tefgħet fuq il-midja soċjali kopja tal-kont, ħafna huma dawk li ddeċiedu li jibdew jgħinuh u issa l-iskop ta’ dan ir-raġel huwa li jestendi s-servizzi tiegħu mhux biss fl-inħawi tiegħu f’Lancanshire, iżda madwar ir-Renju Unit kollu.

Minħabba li ma bediex idaħħal wisq flus, hu kellu jwaqqaf żewħ impjegati minn tiegħu filwaqt li kellu jibda jfittex xogħol alternattiv biex ikun jista’ jmantni l-familja tiegħu, u fl-istess waqt ikompli jipprovdi dan is-servizz.

Tant kienu dawk li ammirawh li bdew jidħlu d-donazzjonijiet biex dan ir-raġel jsita’ jkompli jipprovdi dan is-servizz u permezz tal-crowdfunding u diġà nġabru aktar minn £80,000.

Min-naħa tiegħu ġie kkalkulat li diġà għen madwar 2,500 persuna.

Hu kompla spjega li l-flus li qed jidħlu qed jintużaw biex ikun jista’ jixtri l-materjal li jkun hemm bżonn fid-djar ta’ dawn in-nies biex b’hekk ma jkollux għalfejn jidħol f’aktar dejn, filwaqt li huwa xorta jfittex xogħol ieħor biex imantni l-ħames uliedu.

Meta tkellem dan l-aħħar, hu qal li issa hemm nies f’pajjiżi bħall-Istati Uniti, Franza u l-Awstralja li huma interessati jibdew dan it-tip ta’ servizz, u li qed jikkuntattjawh biex jitolbuh parir dwar l-aħjar mod kif ikunu jistgħu jaħdmu.