Plejers u uffiċjali ta’ Genoa pożittivi għall-coronavirus

11-il plejer tat-tim tal-futbol tas-Serie A Genoa CFC kif ukoll tliet membri tal-istaff mediku tat-tim ittestjaw pożittivi għall-coronavirus. Dan tħabbar mill-klabb innifsu ibieraħ filgħaxija.

Fi tmiem il-ġimgħa, Genoa kienu ħabbru li l-midfielder Daniż Lasse Schone u l-goal keeper Mattia Perin ġew infettati bil-virus. Iżda lbieraħ filgħaxija, is-sit uffiċjali tal-klabb ikkonferma li issa huma 14-il membri tat-tim, inklużi l-persunal, li instabu pożittivi.

“Il-klabb beda l-proċeduri kollha skont il-protokoll u informa lill-awtoritajiet. Se nkunu qed nipprovdu aġġornamenti hekk kif is-sitwazzjoni tevolvi,” qal il-klabb fi stqarrija.

L-ismijiet tal-plejers li nstabu pożittivi ma ġewx indikati. It-tim tilef 6-0 kontra n-Napli l-Ħadd li għadda u s-Sibt li ġej kien mistenni jilgħab kontra Turin.

Ir-rivali tagħhom Sampdoria, ħabbru li l-plejer Senegaliż Keita Balde, li jinsab fuq il-kotba ta’ AS Monaco u li kien mistenni jingħaqad magħhom b’self, irriżulta pożittiv f’testijiet mediċi li saru qabel it-trasferiment.

Il-klabb qal li huwa jinsab f’iżolament u ma kellu ebda kuntatt mat-tim.