Plejer tal-futsal jinqabad bid-doping

Il-plejer tal-futsal Simon Aquilina ġie sospiż sentejn milli jieħdu sehem fi kwalunkwe attività sportiva wara li nstab pożittiv għad-droga kokaina jew traċċi tagħha.
Id-deċiżjoni ttieħdet mill-Bord Dixxipplinarju ta’ Kontra d-Doping, fi ħdan il-Kunsill Malti għall-iSport, immexxi minn Dr Joe Mifsud.

Minn informazzjoni li għandu Newsbook.com.mt jirriżulta li eżatt wara li spiċċat il-logħba bejn Mosta u San Ġwann li ntlagħbet fil-5 ta’ Novembru 2013, Aquilina ntalab jipprovdi kampjun tal-urina u jsemmi liema mediċini ħa fl-aħħar sebat ijiem.  Dakinhar semma biss li kien ħa Panadols u Catafast.

Xahar wara, fit-8 ta’ Diċembru, Aquilina ġie infurmat li mit-test irriżulta li kien hemm traċċi ta’ kokaina u l-Assoċjazzjoni tal-Futsal issospendietu mil-logħob.

Waqt ix-xhieda tiegħu, Rodney Pisani, l-Uffiċjal tal-Aġenzija Nazzjonali ta’ Kontra d-Doping, qal li dakinhar tal-logħba mexa mal-proċeduri u ssiġilla l-kontenituri tal-urina billi għamel pressjoni fuqhom b’saqajh.

Min-naħa tiegħu, Simon Aquilina qal li dakinhar li sarlu t-test induna li mal-art kien hemm l-urina u li l-proċeduri tal-aħħar test kienu differenti minn tal-passat.  Kien hawnhekk li l-Bord Dixxiplinarju staqsih għaliex ma ġibidx l-attenzjoni tal-preżenza tal-urina u tad-differenzi.

Minkejja li l-Bord Dixxipplinarju ta’ Kontra d-Doping qata’ d-deċiżjoni kontra l-plejer, Aquilina xorta waħda jista’ jappellaha.