Plejer ta’ Man Utd ħati ta’ diversi akkużi wara ġlieda fil-Greċja

Id-difensur tal-Ingilterra u ta’ Manchester United Harry Maguire nhar it-Tlieta li għadda ngħata sentenza sospiża ta’ 21 xahar u 10 ijiem minn qorti Griega wara li nstab ħati ta’ diversi akkużi wara ġlieda fuq il-gżira ta’ Mykonos il-Ħamis ta’ qabel.

Uffiċjali tal-qorti qalu li huwa kien instab ħati li kkaġuna ġrieħi, li pprova jikkorrompi, li uża vjolenza fil-konfront ta’ impjegati pubbliċi u li insultahom wara l-arrest tiegħu f’Mykonos. 

Il-plejer internazzjonali ta’ 27 sena li jilgħab għall-Ingilterra kien wieħed minn tliet persuni arrestati l-Ħamis wara argumenti li nqalgħu mal-pulizija. 

“Wara s-seduta tal-lum, tlabt lit-tim legali tiegħi sabiex b’effett immedjat, jinfurmaw lill-qrati li se nappellaw is-sentenza,” qal Maguire fi stqarrija. “Nibqa’ sod u fiduċjuż dwar l-innoċenza tagħna f’dan il-każ – anzi, hawnhekk, il-vittmi huma jiena, il-familja tiegħi u ħbiebi.” 

Il-Ħamis li għadda, Maguire kien arrestat, flimkien ma’ ħuh Joe u l-ħabib tiegħu Christopher Sharman wara ġlieda f’Mykonos li matulha żewġ uffiċjali tal-pulizija ġew aggrediti. 

“Dak li l-pulizija, li huma l-vittmi, għadhom qed jistennew hija sempliċi apoloġija minn raġel li jqis lilu nnifsu bħala champion,” qal l-avukat Ioannis Iakovos Paradisis li qed jirrappreżenta lill-uffiċjali tal-pulizija, lil Reuters. 

Joe Maguire instab ħati li kkawża ġrieħi, li uża l-vjolenza fil-konfront ta’ impjegati pubbliċi u li pprova jikkorrompi. Sharman instab ħati li insulenta, li kkawża ġrieħi u li uża vjolenza kontra impjegati pubbliċi.

It-tnejn li huma ngħataw sentenza ta’ 13-il xahar ħabs sospiżi għal tliet snin. 

It-tlett irġiel ċaħdu l-akkużi fil-konfront tagħhom. 

Il-Captain ta’ Manchester United Maguire, li nħeles mill-arrest fi tmiem il-ġimgħa, ma kienx preżenti fil-qorti waqt li kien qed jinstema’ l-każ fuq il-gżira ta’ Syros nhar it-Tlieta. 

Waqt li kien qed jinstema’ l-każ, il-kowċ ta’ l-Ingilterra Gareth Southgate għażel lil Maguire fit-tim tiegħu għal-logħob tax-xahar id-dieħel tan-Nations League kontra l-Iżlanda u d-Danimarka. 

Maguire qed ikun rappreżentat mill-avukat tad-drittijiet umani Grieg Alexis Anagnostakis, li t-talba tiegħu għall-aġġornament tal-każ ma kinitx milqugħa.

Anagnostakis qal lill-Qorti li żewġ irġiel Albaniżi kienu resqu lejn oħt Maguire, Daisy – li ħassha ħażin immedjatament hekk kif sfat imlaqqma b’sustanza mhux magħrufa. 

L-akkużati kienu talbu li jittieħdu l-isptar iżda minflok, ittieħdu l-għassa tal-pulizija, żied qal l-avukat. Xhud għall-pulizija waqt il-Prosekuzzjoni qal lill-qorti li Maguire ipprova juża l-korruzzjoni biex joħroġ mis-sitwazzjoni.

“Tafu min jien? Jiena l-Captain ta’ Manchester United, jiena sinjur, nista’ nagħtikom flus, nista’ nħallaskom, ħalluna mmorru,” irrakkonta x-xhud fil-qorti. 

Il-mawra xejn sabiħa ta’ Maguire fuq il-gżira popolari Griega seħħet wara t-telfa tal-klabb fis-semifinali kontra Sevilla fl-Europa League f’Cologne.

Maguire lagħab 26 darba għall-Ingilterra mid-debutt tiegħu kontra l-Litwanja f’logħba ta’ kwalifikazzjoni tat-Tazza tad-Dinja fl-2018. 

United ħallsu 80 miljun lira sterlina lil Leicester – somma rekord għal difensur – għal Maguire f’Awwissu 2019 u fil-bidu ta’ din is-sena, inħatar captain tat-tim.

“Ta’ min jinnota li l-prosekuzzjoni ikkonfermat l-akkużi u pprovdiet l-evidenza tard matul il-ġurnata qabel ma beda l-proċess, biex b’hekk, it-tim tad-Difiża ma tantx kellu ħin janalizza u jipprepara ruħu,” qal il-klabb ta’ Manchester United f’stqarrija. 

“It-talba sabiex il-każ ikun aġġornat, ma ntlaqgħetx.”

“Abbażi ta’ dan, flimkien mal-evidenza kollha miġbura sabiex nirribattu l-akkużi, it-tim legali ta’ Harry Maguire issa se jappella l-verdett sabiex il-każ ikun jista’ jinstema’ b’mod sħiħ fiż-żmien li ġej.”