Plejer ta’ Cardiff City fuq ajruplan mitluf

Wikipedia

Emiliano Sala, plejer mill-Arġentina li jilgħab ma’ Cardiff City kien fuq ajruplan li sparixxa, waqt li kien għaddej minn fuq il-Kanal Ingliż ilbieraħ billejl. Dan sar magħruf mill-Aġenzija tal-Aħbarijiet, AFP.

Is-Sibt li għadda Sala, eks-plejer tal-grupp Franċiż, Nantes, iffirma l-kuntratt mal-Cardiff City li huwa maħsub li jiswa €17-il miljun.

L-ajruplan li kien fih żewġ passiġieri u pilota, kien sejjer lejn Cardiff u għeb mir-radars, madwar 20km ‘il bogħod mit-tramuntana ta’ Guernsey.

Skont stqarrija mill-Pulizija ta’ Guernsey, it-tfittxija għal dan l-ajruplan damet għaddejja għal diversi sigħat, fejn intużaw bosta dgħajjes tas-salvataġġ u ħelikopters. It-tfittxija kellha tintemm fis-sagħtejn ta’ filgħodu, minħabba riħ qawwi. Skont l-istqarrija, l-ebda traċċa tal-ajruplan mitluf ma nstabet. Dalgħodu reġgħet bdiet it-tfittxija.

Dan l-inċident ġara kważi tliet xhur wara l-inċident tal-ħelikopter tas-sid ta’ Leicester City, Vichai Srivaddhanaprabha.