Plejer ‘jirxoxta’ fil-Kongo

Ritratt: Facebook

L-ex stilla tal-futbol taż-żgħażagħ Hiannick Kamba li kien jilgħab mat-tim Ġermaniż ta’ Schalke kien maħsub li miet f’inċident bil-karozza fil-pajjiż twelidu tal-Kongo fl-2016. Madankollu Kamba issa nstab ħaj, erba’ snin wara.

Skont il-pubblikazzjoni Bild, Kamba beda jaħdem mill-ġdid fl-impjieg tiegħu ta’ qabel bħala tekniku f’kumpanija tal-enerġija.

Iżda kif eżattament  persuna tista’ terġa’ lura mill-mewt u tirxoxta? Hu maħsub li l-mewt ta’ Kamba setgħet kienet parti minn skema elaborata ta’ frodi ta’ assigurazzjoni. Dan qed joħroġ ċar minħabba li l-eks mara ta’ Kamba, li allegatament irċeviet  somma kbira ta’ flus li tlaħħaq mijiet ta’ eluf ta’ ewro, qed tiġi investigata għal frodi fl-assigurazzjoni. Il-mara pprovdiet ċertifikat tal-mewt għal Kamba u għamlet funeral għalih. Mhux ċar kif il-mara kisbet id-dokumenti.

Il-ġenituri ta’ Kamba kienu ħarbu mill-Kongo għall-Ġermanja fl-1986, iżda ġew deportati lura fl-2005. Kamba ma marx magħhom minħabba li kien offrut kuntratt minn Schalke, klabb tal-futbol fil-Bundesliga. Minħabba l-kuntratt, Kamba  seta’ jibqa’ joqgħod il-Ġermanja waqt li lagħab għall-klabb.

Kamba rritorna l-Kongo snin wara u saħansitra talab li jerġa’ lura l-Ġermanja fl-2018. Huwa għadu ma ġietx akkużat u mhux ċar jekk kienx jaf li l-eks mara tiegħu kienet iffalsifikat mewtu. Issa hu maħsub li Kamba se jkun xhud kontra l-eks mara tiegħu f’dan il-każ ta’ ‘irxoxt’.