Plejer internazzjonali ta’ Tottenham jista’ jispiċċa suldat

Heung-Min Son li jilgħab mat-tim Ingliż ta’ Tottenham Hotspurs jista’ jispiċċa suldat fis-servizz militari jekk l-istaġun tal-Premier League Ingliż  jiġi pospost.

Heung-Min Son, li hu plejer li jilgħab fit-tim nazzjonali tal-Korea ta’ Isfel, għandu l-possibbiltà li jtemm is-servizz militari obbligatorju tiegħu ta’ erba’ ġimgħat waqt li bħalissa qiegħed f’pajjiżu jirkupra wara li kiser idejh fi Frar li għadda.

Ir-raġel ta’ 27 sena ingħata eżenzjoni mis-servizz militari wara li rebaħ il-midalja tad-deheb mal-Korea t’Isfel fil-Logħob tal-Asja tal-2018. Madankollu huwa xorta għandu jagħmel il-lieva ta’ erba’ ġimgħat jekk il-Premier League fl-Ingilterra jkun sospiż wara t-30 ta’ April.

Heung-Min Son kien ingħata permess minn Tottenham biex ikun jista’ jirritorna lejn il-Korea t’Isfel għal raġunijiet personali biex jirkupra minn driegħ miksur li sofra matul ir-rebħa tagħhom ta’ 3-2 kontra Aston Villa fi Frar.