Plejer Franċiż se jagħti l-ħlas kollu tat-Tazza tad-Dinja għall-karità

Il-plejer tat-tim Franċiż Kylian Mbappé, li għandu biss 19-il sena se jkun qed jagħti l-ħlas kollu dovut lilu tal-logħob tat-Tazza tad-Dinja għall-karità.

Hu ilu jagħmel parti mit-tim Nazzjonali mill-2017 fejn ġie misluf minn Paris Saint-German għal €186 milljun. F’din il-World Cup se jibqa’ mfakkar għall-erba’ gowls li għamel fis-seba’ logħbiet li wasslu lil Franza biex tirbaħ it-Tazza tad-Dinja.

Qed jiġi kkalkulat li Mbappé se jkun qed jagħti ftit aktar minn €500,000 sabiex jgħin lit-tfal b’diżabilitajiet u li jinsabu fi sptarijiet sabiex ikunu jistgħu jattendu għal taħriġ sportiv b’xejn apposta għalihom. Dan it-taħriġ jiġi organizzat minn Premiers de Cordée.

Din mhix l-ewwel darba li Mbappé kien ta’ sapport ma’ din l-għaqda u kemm-il darba jinżel jilgħab il-futbol mat-tfal li jattendu għat-taħriġ.