Plejers tal-futbol diskriminati għax Insara

Bħalissa ma hemm ebda nisrani jilgħab ma’ klabbs professjonali tal-futbol jew mat-tim nazzjonali tal-Eġittu.
Dan mhux għax mhumiex kapaċi imma għax il-plejers Insara qed ikunu diskriminati.
Il-Kopti jiffurmaw madwar 15% tal-popolazzjoni Eġizzjana ta’ 96 miljun persuna. Ħafna huma membri jew tal-Knisja Ortodossa Kopta jew tal-Knisja Kattolika Kopta u jiffurmaw l-akbar minorità reliġjuża fil-pajjiż.
Din il-komunità bdiet issofri minn diskriminazzjoni sa milll-1950 fi żmien Gamal Abdel Nasser u għadha tkun trattata b’mod inġust sal-ġurnata tal-lum, ibda mill-qasam tax-xogħol sa dak tal-edukazzjoni.
Stħarriġ li sar riċentement wera kif żgħażagħ Kopti isibu ostakli meta jiġu biex jilgħabu l-logħba favorita tagħhom tal-futbol fl-ogħla livelli.
Dan wassal biex Mina Bendary ta’ 22 sena li jħoss li l-isem nisrani tiegħu qed jagħlaqlu l-bibien ta’ tims tal-futbol dominati mill-Musulmani, waqqaf akkademja biex iħarreġ plejers Insara u jipproteġi d-drittijiet tagħhom.
Fl-imgħoddi kien hemm xi plejers Insara ta’ kalibru fil-livelli għolja tal-futbol Eġizzjan. Eżempju ta’ dan hu l-plejer Nisrani Hany Ramzy li fis-snin 90 kien captain tat-tim nazzjonali Eġizzjan qabel telaq mill-pajjiż biex jilgħab ma’ timijiet barranin.
Każ ieħor hu dak tal-plejer internazzjonali Eġizzjan Ahmed Hossam, magħruf bħala Mido li kien jilgħab ukoll ma’ Tottenham Hotspurs li x-xahar li għadda għamel stqarrija pubblika dwar dan il-preġudizzju kontra l-Insara f’pajjiżu.
Hu staqsa kif  jista’ jkun li fl-istorja tal-futbol Eġizzjana kien hemm ħames plejers Insara biss li lagħbu fl-ogħla livelli. Żied jgħid li hemm plejers Insara li jieqfu ta’ età żgħira minħabba d-diskriminazzjoni kontrihom.