Platform San Ġiljan: Permess mill-PA imma mhux mil-Lands

Minkejja li l-Awtorità tal-Ippjanar ħarġet il-permess sabiex tinbena platform quddiem bar f’San Ġiljan, l-istabbiliment ma ngħatax il-permessi neċessarji min-naħa tal-Awtorità tal-Artijiet.
Dan ikkonfermah il-Ministru għall-Infrastruttura, Ian Borg waqt is-Seduta Parlamentari tal-bieraħ fejn qali li l-platform tneħħiet ilbieraħ stess wara nofsinhar hekk kif l-Awtorità tal-Artijiet bagħtet it-taqsima tal-infurzar tagħha.
Il-Ministru spjega kif il-permess tal-Awtorità tal-Ippjanar ħareġ wara li l-applikazzjoni għaddiet mill-proċessi kollha stipulati mil-liġi tal-ippjanar.
Hu kompla jgħid kif dawn il-proċessi kienu jinkludu perjodu fejn il-pubbliku u entitajiet bħall-Kunsilli Lokali setgħu joġġezzjonaw l-applikazzjoni. Il-Ministru nsista li ħadd ma oġġezzjona u għalhekk inħareġ il-permess.
Waqt il-programm Follow-up tal-bieraħ fuq RTK 103FM, is-Sindku tal-Kunsill Lokali ta’ San Ġiljan iddeskriva Triq San Ġorġ bħala waħda mill-aktar bieżla u għaldaqstant jgħid li platform bħal din tista’ tkun ta’ periklu kbir.
Wara li tneħħiet il-platform mit-triq, il-Kunsill irringrazzja lill-awtoritajiet ikkonċernati talli semgħu t-talba kemm tiegħu, kif ukoll tal-pubbliku.