Plait tagħlaq il-bibien; se tieħu flusek lura

Il-kumpanija magħrufa għall-prodotti lokali mwassla d-dar f’kaxxi tal-kartun, Plait, ħabbret illum mal-klijenti tagħha li mhux se tkompli topera fl-2018. 
Għaldaqstant, il-kumpanija wegħdet lill-klijenti kollha li kellhom xi ħlasijiet bil-quddiem li dawn se jingħatawlhom lura fil-ġranet li ġejjin.
Minkejja s-suċċessi kbar li għamlet il-kumpanija mill-bidu tagħha f’Ġunju tal-2017, l-imejl li ntbagħtet lill-klijenti tgħid kif it-tim ta’ Plait ma jħossx li l-2018 hija s-sena tiegħu. 
It-tim spjega kif ċertu ostakli li ma jidhirx li jista' jikkontrollahom wassluh sabiex jieħu din id-deċiżjoni iebsa. 
Il-kumpanija Plait kienet tqassam ħames tipi ta’ kaxxi differenti fejn wieħed jagħżel bejn prodotti tal-isbuħija, birra, inbid, prodotti organiċi kif ukoll ikel tradizzjonali Malti. Fi żmien il-Milied kellhom ukoll kaxxi edizzjonijiet speċjali b’diversi prodotti magħrufa.
Il-kumpanija bdiha Daniel Fenech, tabib li kellu f’moħħu ħolma li jibda f’Malta kunċett differenti li huwa ferm popolari madwar id-dinja.
Ritratt: Plait