Placido Domingo ddaħħal l-isptar bil-coronavirus

Ritratt: Kaori Suzuki

It-tenur Placido Domingo ddaħħal l-isptar f’Acapulco fil-Messiku b’kumplikazzjonijiet relatati mal-coronavirus. Kelliem għat-tenur Spanjol ta’ 79 sena qal li Placido Domingo sejjer tajjeb u qed jirrispondi għat-trattament.

Il-ġimgħa l-oħra Domingo ħabbar fuq il-paġna tiegħu ta’ Facebook li kien ħareġ pożittiv għall-marda. Huwa ħeġġeġ lill-partitarji tiegħu biex jaħslu jdejhom u jsegwu l-linji gwida u r-regolamenti li l-gvernijiet lokali jirrakkomandaw.

“Flimkien nistgħu niġġieldu dan il-virus u nwaqqfu l-kriżi dinjija ta’ bħalissa. Għalhekk nistgħu nittamaw li nirritornaw għall-ħajja normali ta’ kuljum tagħna malajr kemm jista’ jkun,” kiteb Domingo.

It-tenur kien irriżenja minn direttur ġenerali tal-opera ta’ Los Angeles is-sena l-oħra wara li kien  akkużat b’fastidju sesswali. Għalkemm hu kien ċaħad l-10 akkużi kollha li saru kontrih, f’Jannar li għadda kummissjoni li stħarrġet il-każ sabet li hu tassew kien ta fastidju.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn