PL: “Simon Busuttil għal darb’oħra żbaljat”

Il-Partit Laburista qal li l-inkompetenza ekonomika tal-Kap Nazzjonalista Simon Busuttil qed twassal biex il-partit fl-Oppożizzjoni jibqa’ jagħmel stqarrijiet għal kollox żbaljati.
Fi stqarrija għall-istampa, il-PL qal li l-PN għamel analiżi mhux korretta dwar il-prezzijiet tal-fuel. Qal li ċ-ċifri kkwotati mhumiex il-prezzijiet li jħallsu l-konsumaturi għand il-popma tal-petrol iżda l-prezzijiet bla taxxa li ma jħallashom ħadd.
Il-Partit Laburista sostna li Simon Busuttil ħa dan l-iżball bil-għan li jagħti impressjoni falza li l-prezzijiet f’Malta huma l-ogħla fl-Ewropa.
Fl-istqarrija, qal li l-fatti juru li bħalissa l-prezz tal-petrol f’Malta hu 14% inqas mill-prezz tal-Italja, li bħalissa hu l-pajjiż bl-ogħla prezz tal-petrol. Min-naħa l-oħra, il-prezz tad-diesel f’Malta hu 17% irħas mill-prezz tar-Renju Unit, li hu l-pajjiż bl-ogħla prezz tad-diesel fl-Ewropa.