PL: Li tbaxxi rasek fuq il-post tax-xogħol mhix soluzzjoni

Il-Partit Laburista jsostni li mhix soluzzjoni li ħaddiem ibaxxi rasu fuq il-post tax-xogħol.
Fi stqarrija, id-Deputat Laburista Etienne Grech qal li l-ibbulljar ma jiqafx fil-bitħa tal-iskola, u li dak li jiġri fid-dinja tat-tfal isir ukoll fid-dinja tal-adulti. Spjega li ħafna jibżgħu jitkellmu dwar dak li jkunu għaddejjin minnu għax jibżgħu li jitilfu xogħolhom, filwaqt li oħrajn iħossu li se jitwaqqgħu għaż-żufjett.
Grech qal li jaf ikun hemm min jitkellem imma ma jsibx appoġġ jew lil min jgħidlu “li qed jagħmel għaġeb mix-xejn.” Saħaq li dan m’għandux ikun aċċettabbli.
Id-Deputat Laburista qal li f’Malta għandna liġijiet li jindirizzaw dawn is-sitwazzjonijiet b’enfasi partikolari fuq il-fastidju sesswali u d-diskriminazzjoni minħabba razza jew reliġjon.
Appella lill-unjins biex iqajmu kuxjenza dwar l-ibbulljar fost il-ħaddiema u min iħaddem, u jassistu lill-ħaddiema jipproċedu legalment jekk is-sitwazzjoni tibqa’ ma tissolviex.