​PL: “L-AUM tfisser aktar opportunitajiet u impjiegi”

Il-Partit Laburista saħaq li l-proġett tal-American University of Malta, li ngħata l-liċenzja mill-Kummissjoni Nazzjonali għall-Edukazzjoni Ogħla, se jkun proġett li se jagħti ħajja ġdida lin-naħa ta’ isfel ta’ Malta. Żied jgħid li dan permezz ta’ aktar tkabbir ekonomiku, aktar opportunitajiet u tkattir ta’ aktar impjiegi.
Fi stqarrija, il-PL sostna li dan il-proġett se jfisser li Malta se jkollha t-tieni Università, li mistennija tattira iktar minn 4,000 student f’Bormla u Wied il-Għajn.
Irrefera għall-attakki tal-Oppożizzjoni kontra l-proġett u anke fuq Martin Scicluna, il-persuna responsabbli mill-Kummissjoni.
Il-Partit Laburista saħaq li filwaqt li l-Kap tal-Oppożizzjoni jinsab mehdi jattakka investimenti ġodda attirati lejn il-pajjiż, il-Gvern se jibqa’ impenjat biex ikompli joħloq l-opportunitajiet.