Aġġornata bil-filmat: PL jikkunsidra bini ta’ riserva naturali fin-naħa t’isfel ta’ Malta

Jekk ikun fil-gvern, il-Partit Laburista se jkun qed jikkunsidra l-bini ta’ riserva naturali fin-naħa t’isfel ta’ Malta. Waqt żjara li għamel fir-riserva naturali tal-għadira fil-Mellieħa, Dr Muscat wieġeb mistoqsijiet tad-Direttur tal-Birdlife, fuq suġġetti bħall-kaċċa u d-derogi tal-Unjoni Ewropea. Muscat reġa’ saħaq li hu kontra l-kaċċa illegali.

Id-Direttur tal-Birdlife saħaq fuq il-bżonn li fin-naħa ta’ isfel ta’ Malta jkun hemm park simili għal dak tal-Għadira. Il-Mexxej Laburista qal li l-Partit tiegħu hu kommess li jkompli jgħin lill-Birdlife.

Il-Mexxej Laburista qal li l-bidla fit-time frames li semma’ il-Prim Ministru dwar il-bini tal-pipeline, turi li Gvern Nazzjonalista m’għandux pjan ċar ta’ enerġija.
Dr Joseph Muscat tkellem ukoll dwar is-somma ta’ €250,000 li l-Partit Nazzjonalista ssellef mingħand in-negozjant Żaren Vassallo. Qal li dan il-każ ikompli juri l-bżonn serju ta’ liġi tal-finanzjament tal-partiti.

Dr Muscat semma’ l-possibilta’ li jekk il-PL ikun fil-Gvern, jikkunsidra li jitwaqqaf Wildlife Crime Unit għal aktar ħarsien tal-ambjent u annimali.