PL: Busuttil irid jitkellem jekk Gatt jibqa’ sieket

Fi stqarrija, il-Partit Laburista qal li l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil għandu jitkellem u jerfa’ r-responsabbiltà ta’ dak li ġara fil-każ tax-xiri taż-żejt.

Il-Partit Laburista jgħid li l-istqarrija tal-eks Ministru Austin Gatt li saħaq pubblikament li mhux se jikkummenta dwar dak li ġara fiż-żmien li hu kien Ministru, se titfa’ piż ferm ikbar fuqu.

L-istqarrija tgħid li filwaqt li kien hemm min qed jieħu l-kummissjonijiet fuq ix-xiri taż-żejt, il-poplu Malti u Għawdxi kien qed iħallas kontijiet tad-dawl u l-ilma għoljin.

Il-Partit Laburista saħaq li Simon Busuttil għandu jibda jaġixxi ta’ Kap u mhux jibqa’ fil-muta.