Segwi ‘live’ fuq Newsbook – L-aħħar udjenza tal-Papa Benedittu

Bħalissa fi Pjazza San Pietru fil-Vatikan għaddejja t-348 udjenza ġenerali tal-Papa Benedittu XVI, l-aħħar udjenza f’dan il-Pontifikat.

11:58 : Finalment, titkanta l-Missierna bil-lingwa Latina. Il-Papa jirringrazzja liż-żgħażagħ u jħeġġiġhom biex jimxu wara Ġesù. Sellem lill-morda li jkollhom jgħixu bil-piż tal-marda. Lill-miżżewġin ħeġġiġhom biex irabbu l-familja fil-qafas tal-Knisja.

11:20 : L-aħħar xewqa tal-Papa hi li nitolbu għas-suċċessur il-ġdid ta’ San Pietru, għalih u għall-Knisja.

11:17 : Il-Papa Benedittu tkellem dwar id-deċiżjoni tar-riżenja tiegħu. Qal li minkejja li kienet deċiżjoni diffiċli, hu għamel dan il-pass b’serenità kbira. Qal li tħobb lill-Knisja ifisser li trid tieħu deċiżjonijiet iebsa u dejjem iżżomm bħala priorità il-ġid tal-Knisja. Qal li se jibqa’ jgħin fil-mixja tal-Knisja permezz tat-talb u r-riflessjoni.

11:20 : L-aħħar xewqa tal-Papa Benedittu hi li nitolbu għas-suċċessur il-ġdid ta’ San Pietru, għalih u għall-Knisja. Tiskpikka ċapċipa twila min-nies preżenti fil-Pjazza.

11:13 : Il-Qdusija Tiegħu rringrazzja lill-persuni kollha li għenuh fil-mixja tiegħu, b’mod speċjali lill-kardinali. Sellem ukoll lid-Djoċesi tiegħu ta’ Ruma. Il-Papa Benedittu enfasizza li l-Papa jappartjeni lil kulħadd.

11:10 : Hekk kif din is-sena l-Knisja qed tiċċelebra s-Sena tal-Fidi, il-Papa stieden lil kulħadd biex jiġġedded fl-Fidi u jafdaw f’Alla, anke fil-mumenti ta’ tbatija. Qal li jixtieq li kulħadd jesperjenza l-ferħ li tkun nisrani. Il-Fidi, qal il-Papa, hi l-iktar rigal prezzjuż li għandu n-nisrani u li ħadd ma jista’ jneħħi.

11:07 : Il-Papa qabbel lilu nnifsu ma’ San Pietru meta kien jistad fuq id-dgħajsa fil-Galilija. Qal li “xi drabi s-sajda kienet tkun abbundanti u drabi oħra le … xi drabi l-baħar kien ikun imqalleb u drabi oħra r-riħ jonfoħ kontrik”. Hawnhekk fisser li matul it-tminn snin, għadda minn ħafna tlajja u nżul imma dejjem emmen l-Mulej qiegeħd miegħu. Il-Papa qal li l-Mulej mhux se jħalli d-dgħajsa tiegħu tegħreq, b’referenza għall-Knisja.

11:05 : Il-Papa Benedittu qal li l-Verità tal-Vanġelu hi l-qawwa tal-Knisja, saħaq li hu għandu fiduċja sħiħa fil-Knisja Kattolika. Il-Papa qal li kemm-il darba jistaqsi għaliex kellu jġorr dan il-piż fuq spalltu, imma qal li aċċettah għaliex din hi r-rieda tal-Mulej, u minkejja li hu dgħajjef, Ġesù dejjem kien maġenbu.

10:57 : Il-Papa Benedittu beda billi rringrazzja lin-nies preżenti fi Pjazza San Pietru. Qal li l-Knisja Kattolika għadha ħajja. Il-Papa ħass li għandu jirringrazzja lil Alla talli l-Knisja qiegħda dejjem tikber.

10:53 : Tibda l-aħħar udjenza ġenerali tal-Papa Benedittu. Tinqara b’lingwi differenti waħda mill-Ittri ta’ San Pawl lill-Kolossin.

10:50 : Fuq l-istrixxuni hemm miktub: ”Santo Padre ti vogliamo bene, prega per noi” … ”Tu sei Pietro e noi giovani ti amiamo”

10:38 : Il-Papa Benedittu jidħol fi Pjazza San Pietru fuq il-Popemobil u jsellem lill-pellegrini.

09: 30 : Hu stmat li fil-pjazza se jinġabru madwar 200,000 persuna minn madwar id-dinja kollha.

09:10 : Pjazza San Pietru timtela’ bil-kuluri isfar u abjad, il-kuluri tal-Papa. Jispikkaw id-diversi bnadar tal-pajjiżi.

08:50 : Sa issa jidher li t-temp hu favur l-eluf ta’ nies fil-pjazza hekk kif għal dalgħodu hu mbassar li fuq Ruma se jkun hemm ix-xemx.

08:41 : Kważi tliet sigħat qabel ma tibda l-aħħar udjenza tal-Papa Benedittu, eluf ta’ nies diġà nġabru fi Pjazza San Pietru biex anke huma jkunu parti mill-Istorja tal-Knisja Kattolika.

Ritratt: Fr Jonathan Farrugia minn Ruma