Pjazza San Franġisk fir-Rabat imsebbħa u riġenerata bi €3 miljun

MGOZ: Terry Camilleri

Il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana ħabbret li ngħata bidu għall-proġett ambizzjuż tar-riġenerazzjoni ta’ Pjazza San Franġisk fil-qalba tar-Rabat, Għawdex.

Dan il-proġett ilu mwiegħed snin imma nbeda issa, u hu stmat li se jiswa madwar €3 miljun.

Il-Ministru rrimarkat li din il-pjazza hi t-tieni proġett ta’ riġenerazzjoni tal-Ministeru wara dak ta’ Pjazza San Ġwann il-Battista fix-Xewkija. Il-Ministru Caruana qalet li qed isiru wkoll il-preparamenti biex jiġi ppubblikat l-abbozz biex issir Pjazza Santa Margerita f’Ta’ Sannat biex b’hekk 3 pjazez ewlenin f’Għawdex jingħataw dehra isbaħ.

Qalet ukoll li dan il-proġett issa se jikkumplimenta l-proġett tat-Taraġ ta’ San Franġisk kif ukoll iċ-ċentru tas-saħħa l-ġdid li se jsir fil-binja biswit l-istess taraġ. Żiedet tgħid li dan il-proġett se jirrispetta l-wirt storiku tal-pjazza, li se tkun aċċessibbli għall-persuni b’diżabbiltà.