Pjazza Milied u Magna Żmien fi Pjazza San Nikola fis-Siġġiewi

Għar-raba’ sena konsekuttiva, il-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi se jorganizza Pjazza Milied fi Pjazza San Nikola. Din is-sena Pjazza Milied se tinkludi attrazzjoni unika bil-parteċipazzjoni tas-Siġġiewi, fil-proġett Magna Żmien li qed isir b’kollaborazzjoni mal-V18. Il-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi u l-organiżaturi ta’ Magna Żmien ilhom jaħdmu matul s-sena kollha fuq dan l-proġett. Saru diversi laqgħat inluż laqgħat mar-residenti biex jiġu preservati filmati antiki tas-Siġġiewi jew ta’ Malta u li jkunu jinsabu fid-djar tagħhom.

Fit-13 ta’ Diċembru, Magna Żmien se tkun attrazzjoni speċjali waqt Pjazza Milied biex bejn 5.30pm u 8pm, dawk preżenti jkunu jistgħu isegwu spettaklu u filmati li joħduna lura fiż-żminijiet permezz tal-filmati li ġew provduti min-nies stess.

Pjazza San Nikola hija l-post xieraq biex tiġi organizzata attività tal-Milied. Il-patrun qaddis tas-Siġġiewi, San Nikola ispira l-karattru ta’ Santa Klaws permezz tal-valuri tiegħu ta’ generosità u solidarjetà. Għalhekk fl-aħħar snin, il-Kunsill Lokali beda jorganizza din l-attività, li din is-sena se tinkludi attrazzjonijiet ġodda. Dawn jinkludu vjaġġi kulturali b’xarabank tradizzjonali u bil-booking li jeħtieġ isir minn qabel mal-Kunsill Lokali. Il-Kunsill Lokali qed jikkordina l-loġistika ta’ dawn ż-żjarat waqt li l-Għaqda Kulturali Siġġiewi se tkun qed tipprovdi l-informazzjoni kulturali u l-istorja dwar s-siti li x-xarabank tkun qed tgħaddi minn ħdejhom. Il-Kunsill Lokali tat-Tfal ħejja wkoll borża ta’ San Nikola għat-tfal li jattendu l-bus tour waqt li qed jieħu sehem f’diversi inizjattivi oħra, fosthom messaġġ ambjentali li se jwassal mal-karattru tan-Nanna Kola, liema karattru ġie mniedi mill-Kunsill Lokali f’Awwissu li għadda.

Attrazzjoni oħra unika waqt Pjazza Milied 2018 hija l-ftuħ għall-pubbliku tal-Bejt, il-Kampnar u l-Kannierja tal-Knisja Arċipretali tas-Siġġiewi. Din l-attività hija organizzata mill-Parroċċa tas-Siġġiewi u l-ftuħ ta’ dawn il-partijiet tal-Knisja għall-pubbliku huwa bejn 9am u 4pm.

Fl-istess ġurnata, il-Kunsill Lokali tat-Tfal fis-Siġġiewi se jorganizza logħob tradizzjonali fil-Pjazza bejn 2.30pm u 3.30pm. F’din l-attività se jieħdu sehem ukoll l-għaqdiet sportivi tas-Siġġiewi. It-tfal huma mistiedna biex jilgħabu fil-Pjazza u fl-istess waqt jiskopru logħob li kien popolari ma’ ġenerazzjonijiet ta’ qabilhom, meta kien possibli li jsir logħob fit-toroq tal-ibliet u rħula.

Bejn 2pm u 3pm, tfal u kbar huma mistiedna wkoll mmorru lebsin kostum ta’ Santa Klaws u se jingħata rikonoxximent lil persuna bl-isbaħ kostum, li jintgħażel minn ġurija.

Pjazza Milied tinkludi s-sehem ta’ għaqdiet oħra Siġġiwin fosthom is-sehem tal-Banda San Nikola bejn 10.30am u 11.30 u is-Siġġiewi Festival Brass Band bejn 4.30pm u 5.30pm. Għaqdiet oħra Siġġiwin se jorganizzaw ukoll stands tal-ikel waqt li ma jonqosx ukoll d-divertiment fuq l-palk minn kantanti Maltin. Bejn 4pm u 5pm se jkun hemm sessjoni speċjali bit-tema tal-Milied għal trabi u tfal sa tlett snin. Din isir fil-bini tal-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi, fi Pjazza San Nikola stess waqt li bejn 9am u 11am, jista’ jiġi bbukjat Breakfast with Santa mal-istabbilment Papa’s li wkoll jinsab fi Pjazza San Nikola.

Is-Sindku tas-Siġġiewi, Alessia Psaila Zammit qalet li Pjazza Milied hija attività li issa ddaħet fil-kalendarju annwali tal-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi. Hi qalet li din s-sena l-attività hija waħda speċjali hekk kif tinkludi l-attrazzjoni unika ta’ Magna Żmien u li qed issir fl-okkazzjoni tal-attivitajiet tal-Valletta18. Hi sostniet li l-Kunsill Lokali jkun ilu xhur jipprepara għal Pjazza Milied u ħeġġet lin-nies biex jieħdu sehem f’din l-attività fil-Pjazza tas-Siġġiewi. Alessia Psaila Zammit qalet li l-Pjazza tas-Siġġiewi toffri l-atmosfera u l-ispazju għall-attività tal-Milied, bil-preżenza tal-istatwa tal-qaddis patrun San Nikola f’nofs il-Pjazza, tfakkarna fil-valuri li ispiraw u ħolqu l-karattru ta’ Santa Klaws, li tant tfal ikunu qed jistennew b’ħerqa f’dan iż-żmien tas-sena. Is-Sindku qalet li fl-aħħar jiem bosta persuni segwew ukoll it-tiżjin li sar fi Pjazza San Nikola, bil-Kunsill Lokali, kull sena jżejjen l-Pjazza b’siġra kbira tal-Milied.