Pjanċi tal-muturi out of stock

Transport Malta (TM) ilha ġimgħat sħaħ mingħajr tnejn mit-tliet tipi ta’ pjanċi tal-muturi.
Sorsi infurmati qalu ma’ Newsbook.com.mt, li s-sewwieqa tal-muturi qed jingħataw l-unika pjanċa li għandha disponibbli Transport Malta, anke jekk din ma tkunx taqbel sew mad-daqs tal-mutur tagħhom. Żiedu jgħidu li TM ilha minn Mejju mingħajr dawn il-pjanċi.
TM għandha tliet tipi ta’ pjanċi tal-muturi, imsejħa Tip B, E u G, li jvarjaw fit-tul u l-wisa’ tagħhom.
Newsbook.com.mt ikkuntattja lil TM, u kkonferma li dawn iż-żewġ pjanċi jinsabu out of stock minħabba li l-klijenti qegħdin jagħżlu dan it-tip ta’ pjanċi li huma iżgħar.
Huwa qal li l-pjanċi ilhom neqsin tliet ġimgħat, mhux minn Mejju, u safrattant dawk is-sewwieqa li ngħataw pjanċa akbar se tinbidlilhom mingħajr ħlas, ladarba jaslu ż-żewġ pjanċi l-oħra.
Il-Kelliem għal Transport Malta enfasizza li l-awtorità kienet diġà ordnat dawn il-pjanċi fix-xhur li għaddew, għalkemm ma speċifikax liema xahar, u li għandhom jaslu Malta ġimagħtejn minn meta ġie kkuntattjat minn dan is-sit, jiġifieri dil-ġimgħa.
Minkejja dan, ikkuntattjat illum dwar jekk waslux dawn il-pjanċi, il-kelliem għal Transport Malta qal li għadhom ma waslux.
Irrimarka li l-entità fl-aħħar sena enfasizzat l-użu tal-muturi fit-triq. Minn Marzu tal-2016 sa Marzu 2017 ġew irreġistati 1,782 mutur.
Ritratt: Arkivji