Pjan ta’ €750,000 biex tingħata spinta lill-Belt

Miguela Xuereb

Il-Gvern nieda pjan ta’ €750,000 biex il-Belt Valletta tingħata spinta ekonomika, soċjali, u kulturali.

Fi stqarrija l-Ministeru għall-Arti, il-Ministeru għat-Trasport, il-Ministeru għat-Turiżmu u s-Segretarjat Parlamentari għall-Artijiet qalu li mill-ewwel ta’ Lulju sal-aħħar ta’ Settembru 2020, l-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta fi ħdan il-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali se tmexxi pjan maħsub biex fil-Belt Valletta terġa’ tinħoloq il-klima ekonomika, soċjali u kulturali li konna drajna sa qabel l-ewwel ta’ Jannar 2020.

“Il-Belt Valletta hu l-aktar post milqut f’Malta wara l-COVID-19. L-attività ekonomika, il-ħwienet, l-ospitalità, il-mużewijiet u postijiet oħra fil-Belt ħadu l-akbar daqqa f’pajjiżna,” qal il-Gvern.

Il-pjan b’investiment dirett ta’ €750,000 li jkoppri dawn it-tliet xhur partikolari jinkludi fih ħames miżuri prinċipali u inizjattivi oħra li ser ikunu ta’ stimulu ekonomiku, soċjali u kulturali;

  • Se jitneħħa l-ħlas tal-permess għal ‘Tables and Chairs’ matul dan il-perjodu
  • Se titneħħa t-tariffa tas-CVA matul dan il-perjodu
  • Ferry Connections SLIEMA-VLT, COTTONERA-VLT b’xejn mit-Tnejn sal-Ħadd, mis-6 ta’ filgħaxija sa nofsillejl
  • Id-dħul tal-mużewijiet fil-Belt Valletta bla ħlas, matul Lulju kollu
  • Medja ta’ tlett attivitajiet kulturali fil-ġimgħa mifruxa madwar il-belt kapitali kollha

“Iċ-ċavetta tas-suċċess ta’ dan il-gvern hija l-kordjalità u s-solidarjetà li hemm bejn il-Membri tal-Kabinett li jsarraf f’ħidma koordinata u effettiva,” stqarr l-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali José Herrera.

Il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Ian Borg qal li, sabiex t-toroq tal-Belt Valletta jerġgħu jimtlew bil-ħajja, il-Ministeru flimkien ma’ Transport Malta qed jaraw li mill-1 ta’ Lulju sat-30 ta’ Settembru, is-CVA fil-Belt Valletta se jkun bla ħlas, miżura li se tkun qed tiswa’ mal- €200,000.

Il-Ministru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur Julia Farrugia Portelli qalet li l-kapitali Maltija hija s-sisien ta’ kull vjaġġ f’pajjiżna, hekk kif 91% tat-turisti kollha li jżuru pajjiżna jiġu l-Belt Valletta.

Is-Segretarju Parlamentari għall-Artijiet u l-Kostruzzjoni Chris Agius qal li fost il-miżuri hemm dik tat-‘tables and chairs’, fejn il-permess tal-ħlas ser jitneħħa għal kollox sabiex fil-Belt Valletta terġa’ tinħoloq il-klima ekonomika soċjali ta’ qabel.