Pjan ta’ Azzjoni biex l-immigranti jkunu integrati f’kulturi ġodda

Il-Papa Franġisku fassal Pjan ta’ Azzjoni biex l-immigranti jkunu megħjuna jintegraw f’kulturi ġodda filwaqt li kkritika manuvri maħsuba biex ikeċċu lil dawk li jaslu f’xi pajjiż wara li jkunu ħarbu minn persekuzzjoni.
Tul il-Pontifikat tiegħu il-Papa Arġentin, li hu nnifsu hu wild ta’ emigrant, poġġa bħala prijorità ewlenija l-kriżi tal-immigrazzjoni u ħa diversi miżuri prattiċi biex jgħin lil dawn in-nies, fosthom billi fetaħ proprjetajiet tal-Knisja biex jilqgħu fihom lil dawk li qed jaħarbu minn gwerer u saħansitra rikkeb fuq l-ajruplan miegħu tnax-il Musulman Sirjan lura lejn Ruma minn fuq il-gżira Griega ta’ Lesbos.
F’messaġġ li qed iħejji għall-Jum Dinji tal-Emigranti u r-Refuġjati li jkun iċċelebrat f’Jannar, il-Papa jagħmel sejħa oħra għal sforz determinant globali biex nilqgħu u nintegraw lill-emigranti bi strateġija mibnija fuq erba’ punti: Nagħtu merħba, nipproteġu, nippromwovu u nintegraw lill-emigranti u r-refuġjati.
Kliem il-Papa jikkuntrasta bil-kbir ma’ dak tal-President Amerikan Donald Trump li bħalissa qed jikkunsidra li jżid il-poteri lill-Pulizija biex emigrant mingħajr dokumenti jitkeċċew mill-pajjiż.
Iżda l-Papa jinsisti li t-tkeċċija kollettiva u arbitrarja ta’ emigrant u refuġjati mhix is-soluzzjoni. Aktar u aktar meta dawn jintbagħtu lura f’pajjiżi li ma jagħtux garanzija ta’ rispett għad-dinjità umana u d-drittijiet tal-bniedem.
“Dawk li qed ifittxu pajjiż ġdid m'għandhomx jaħbu jew jinsew il-vera identità tagħhom u minflok għandhom ikunu parti minn tisħiħ inter-kulturali u jinfetħu għall-kulturi ġodda li jsibu ruħhom fihom. Dan il-proċess jista’ jitħaffef billi l-immigranti jingħataw ċittadinanza mingħajr obbligi finanzjarji jew lingwistiċi”, sostna l-Papa.
Il-Papa Franġisku jixtieq jara pajjiżi joffru għajnuna prattika lill-emigranti fosthom akkomodazzjoni temporanja, opportunitajiet ta’ xogħol u għajnuniet bażiċi oħra.
Isostni li l-emigranti għandu jkollhom l-opportunità li jsiru ċittadini attivi billi jingħataw taħriġ fil-lingwa tal-pajjiż li jilqagħhom u aċċess għal għajnuna medika u għall-ġustizzja.