Pjan għal Triq l-Imġarr f’Għawdex biex jieqfu l-fatalitajiet – Caruana

Read in English.

Il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana qalet fuq Facebook li hemm pjan għal Triq l-Imġarr f’Għawdex li diġà beda jitwettaq sabiex ma jkunx hemm iktar fatalitajiet.

Dan wara li lbieraħ mietet il-mara li għamlet xi jiem tissielet għal ħajjitha wara li kienet involuta f’ħabta bejn żewġ karozzi li seħħet fis-16 ta’ Awwissu.

Aqra: Tmut il-passiġġiera involuta f’inċident f’Għajnsielem

Il-Ministru Caruana qalet li uffiċjali tal-Ministeru għal Għawdex, bl-approvazzjoni ta’ Transport Malta, ħadem fuq pjan tal-immaniġġjar tat-traffiku għat-triq li diġà beda jitwettaq. Qalet li ġie ordnat apparat ieħor li se jkun jista’ jiggwida lis-sewwieqa. Qalet li minkejja kollox, l-aħjar soluzzjoni tibqa’ s-sewqan responsabbli.

Aqra: Bint tirringrazzja l-pubbliku wara l-mewt ta’ ommha f’inċident f’Għajnsielem

Ivy Evinson li hija oriġinarjament mil-Latvja iżda residenti s-Swieqi u li kellha 41 sena kienet passiġġiera ma’ Norveġiż ta’ 43 sena li joqgħod Ta’ Kerċem. Hija kellha tittieħed l-Isptar Mater Dei mill-Isptar Ġenerali t’Għawdex b’ħelikopter minħabba l-ġrieħi serji li ġarrbet. Fil-karozza kien hemm ukoll Amerikan ta’ 47 sena li joqgħod ir-Rabat u Ġermaniż ta’ 51 sena li joqgħod ix-Xagħra. It-tliet irġiel sofrew minn ġrieħi gravi.

Il-karozza l-oħra kienet misjuqa minn mara ta’ 36 sena min-Nadur. Rekbin magħha kien hemm Kanadiża ta’ 45 sena u tlett itfal bl-etajiet ta’ disa’ snin, 11-il sena u 14-il sena. Is-subien ta’ disa’ snin u 14-il sena għandhom ġrieħi gravi, filwaqt li ż-żewġ nisa u t-tifel ta’ 11-il sena għandhom ġrieħi ħfief.

Aqra: Inċident fatali u 84 bi ġrieħi fi Triq l-Imġarr

Informazzjoni li kien ħareġ il-Ministru għall-Intern Michael Farrugia fil-Parlament aktar kmieni din is-sena wriet li bejn l-2013 u l-31 ta’ Marzu tal-2019 seħħ inċident fatali wieħed u 84 ieħor ħallew persuni midruba fi Triq l-Imġarr bejn Għajnsielem u x-Xewkija.