Pjan għal aktar siġar madwar Malta u Għawdex

Sal-ewwel nofs ta’ Ottubru, il-Professur Louis Cassar irid iħejji pjan nazzjonali dwar l-afforestazzjoni f’Malta.  Il-Professur Cassar inħatar miIl-Ministru għall-Ambjent Leo Brincat. 
Il-pjan jrid jieħu in kunsiderazzjoni l-qagħda preżenti ta’ fejn hemm konċentrazzjoni ta’ siġar u l-isforzi li saru dwar l-afforestazzjoni f’Malta u f'Għawdex.
Irid jidentifika wkoll l-azzjoni li trid tittieħed fuq medda ta’ żmien biex tħares u tħaddem is-siti preżenti, l-potenzjal ta’ ħolqien ta’ msaġar ġodda u l-immaniġġar tal-postijiet ideali. 
Il-pjan għandu jiżgura li l-proposti jkunu jaqblu mal-istrateġija nazzjonali tal-bijodiversità, jikkontribwixxi għall-azzjoni nazzjonali dwar it-tibdil fil-klima u jipprovdi spazji ġodda għal postijiet rikreattivi informali li jwasslu biex titjieb il-kwalità tal-ħajja tal-komunità.
Il-Ministeru għall-Ambjent se jeżamina r-rapport fuq livell konsultattiv u wara, l-proposti jgħaddihom għall-kunsiderazzjoni tal-Gvern.