“Pjan biex Malta tevita li nies ma jkollhomx ċittadinanza”

Il-Gvern qiegħed jikkunsidra li jsir parti mill-konvezjonijiet tal-Aġenzija tal-Ġnus Maqħquda għar-Refuġjjati (UNHCR) biex ikun evitat li n-nies ma jkollhomx ċittadinanza.
Fi stqarrija, il-Ministru għall-Intern qal li d-deċiżjoni dwar dan se tittieħed fil-ġimgħat li ġejjin.
Nhar it-Tnejn li għadda r-rappreżentat tal-Aġenzija tal-Ġnus Maqħquda għar-Refuġjjati (UNHCR) Malta, Kahin Ismail qal li Malta hi wieħed minn erba’ pajjiżi biss li mhix parti mill-konvezjonijiet biex ikun evitat li n-nies ma jkollhomx ċittadinanza.
Huwa għadda dokumenti relatati lill-Ispeaker Anġlu Farrugia biex iressaqhom quddiem il-Parlament.
Matul il-laqgħa mal-Ispeaker, Ismail spjega li riċerka li saret fl-2014 turi li fil-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea hemm mal-400,000 persuna mingħajr ċittadinanza.
Qal li l-UNHCR għandha l-għan li sa seba’ snin oħra ma jibqax nies mingħajr ċittadinanza.
Ma’ Newsbook.com.mt Ismail qal li huwa importanti li ulied l-immigranti mwielda f’Malta jiġu integrati fis-soċjetà.
Żied jgħid li ċ-ċittadinanza hija mezz ta’ kif wieħed jintegra lin-nies fis-soċjetà.