Pjan biex iwaqqfu l-ittestjar fuq l-annimali sal-2023

Il-Membri tal-Parlament Ewropew qed jaħdmu sabiex jinkoraġġixxu lill-mexxejja tal-Unjoni Ewropea biex jibnu koalizzjoni u jibdew konvenzjoni internazzjonali fi ħdan in-Nazzjonijiet Magħquda kontra l-bejgħ ta’ prodotti tas-sbuħija li jkunu ittestjati fuq l-annimali. 
L-għan tal-konvenzjoni huwa li d-dinja kollha tibda tipprojbixxi l-ittestjar fuq l-annimali sal-2023.
Minkejja li l-bejgħ ta’ prodotti ttestjati fuq l-annimali ilu pprojbit fl-Unjoni Ewropea mill-2013, l-Ewroparlamentari saħqu li dan ma’ waqqafx l-industrija tal-kosmetiċi milli tkompli tikber.
Għaldaqstant jgħidu li, 80% tal-pajjiżi madwar id-dinja għadhom jagħlqu għajn għal dawn it-tip ta’ testijiet, u għall-bejgħ ta’ dawn il-kosmetiċi.
Huma insistew ukoll kif minkejja li l-ittestjar fuq l-annimali nnifsu huwa pprojbit fl-Ewropa, għad hemm bosta każijiet fejn il-kosmetiċi jiġu ttestjati fuq l-annimali barra mill-Ewropa, imbagħad jerġgħu jiġu ttestjati b’modi alternattivi ġo l-Ewropa sabiex jitpoġġew fis-suq.
Filwaqt li talbu lill-Unjoni Ewropea sabiex tagħti s-sapport kollu neċessarju għall-iżvilupp ta’ metodi oħra ta’ ttestjar, l-Ewroparlamentari nsistew li hemm bżonn li l-EU tipprojbixxi l-bejgħ ta’ kull tip ta’ prodott li jkun ittestjat fuq l-annimali barra mill-Ewropa.
Ir-reżoluzzjoni għaddiet wara li ttieħed vot unanimu, fejn kien hemm 63 vot favur u astjensjoni. Għalhekk, issa r-reżoluzzjoni se jittieħed vot fuqha fis-sezzjoni plenarja ta’ Marzu tal-Parlament Ewropew fi Strasburgu.
“Għandna bżonn naraw aktar Stati li jimplimentaw din il-projbizzjoni” – Dalli
Ftit tal-ħin wara li ttieħed il-vot, l-Ewroparlamentari Laburista Miriam Dalli insistiet li hemm bżonn li l-istati kollha jimplementaw il-projbizzjoni tal-ittestjar tal-annimali. 
Kompliet tgħid li hemm modi li huma aktar effettivi, effiċjenti u sensibbli sabiex il-prodotti kosmetiċi jkunu aktar siguri.