Pjan biex iktar turisti minn Iżrael iżuru Malta

L-Air Malta se tkun qed topera r-rotta ta’ Tel Aviv ħames darbiet fil-ġimgħa matul is-sajf u tliet darbiet fil-ġimgħa fix-xitwa minn Marzu li ġej.
Fl-istess waqt il-kumpanija qiegħda fil-proċess li jkollha sales distribution network permezz ta’ aġenti tal-bejgħ ġodda u żieda fir-riklamar fis-suq Iżraeljan.
Fl-aħħar sena ġew Malta minn Iżrael 16,666 turist.
Il-Ministru għat-Turiżmu Konrad Mizzi qal li dan in-numru mistenni jikber fis-snin li ġejjin.
Huwa ddeskriva s-suq ta’ Iżrael bħala wieħed strateġiku għal Malta.
Qed issir ukoll kampanja ta’ promozzjoni ġdida bi programmi apposta ta’ Jewish Heritage f’Malta, bil-għan li jżidiedu t-turisti.
Mizzi bħalissa jinsab f’Tel Aviv fejn kellu numru ta’ laqgħat, filwaqt li l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu qed tipparteċipa fil-fiera internazzjonali IMTM għall-ewwel darba f’Tel Aviv ukoll.