Pjan ambizzjuż għal Milan biex jitnaqqas it-traffiku wara l-perjodu ta’ lockdown

FILE PHOTO: A worker wearing protective garments sanitises the Duomo square, during the coronavirus disease (COVID-19) outbreak in central Milan, Italy March 31, 2020. REUTERS/Flavio Lo Scalzo/File Photo

Il-Belt ta’ Milan se tintroduċi waħda mill-aktar skemi ambizzjużi fl-Ewropa biex spazju fit-toroq jibda jintuża għal persuni fuq ir-roti u għal min ikun bil-mixi, biex b’hekk jitnaqqas l-ammont ta’ karozzi, b’reazzjoni għall-kriżi tal-coronavirus.

Il-belt li tinsab fit-tramuntana ta’ Milan, u r-reġjun kollu tal-Lombardija huma fost l-aktar bliet imniġġsa fl-Ewropa, u huma fost iż-żoni li ntlaqtu l-agħar mit-tifqigħa tal-Covid-19.

Taħt il-kundizzjonijiet attwali ta’ lockdown madwar il-pajjiż kollu, il-konġestjoni tat-traffiku naqset bejn 30 u 70%, u magħha naqas ukoll it-tniġġis tal-ajru. Uffiċjali tal-belt qed jittamaw li meta jispiċċa l-perjodu ta’ lockdown, in-nies ma jmorrux lura għall-użu tal-karozzi tagħhom meta jirritornaw lejn il-postijiet tax-xogħol u jevitaw li jużaw is-sistemi ffullati ta’ trasport pubbliku.

Għalhekk tħabbar li 35km (22 mil) ta’ toroq ser jinbidlu matul is-sajf, b’espansjoni mgħaġġla, sperimentali ta’ spazji għal ċikliżmu u għall-mixi madwar il-belt kollha għall-protezzjoni ta’ residenti hekk kif ir-restrizzjonijiet tal-Covid-19jibdew jitneħħew.

Il-pjan Strade Aperte (Toroq Miftuħa), imħabbar nhar it-Tlieta, jinkludi karreġġjati temporanji għar-roti, bankini ġodda u aktar wiesgħa, limiti ta’ veloċità ta’ 30 km fis-siegħa (20mph), u toroq fejn jingħataw il-prijorità lill-persuni li jimxu u ċiklisti. Il-postijiet se jinkludu żoni ta’ traffiku baxx fuq is-sit fejn qabel kien hemm Lazzaretto, post ta’ refuġju għall-vittmi tal-epidemiji tal-pesta fis-sekli 15 u 16.

Marco Granelli, il-viċi sindku ta’ Milan, qal: “Aħna ilna naħdmu għal snin twal biex innaqqsu l-użu ta’ karozzi. Jekk kulħadd isuq karozza, mhux se jkollna spazju fejn niċċaqalqu, mhux se jkun hemm spazju għal attivitajiet kummerċjali barra l-ħwienet.

“Dażgur, aħna rridu li nerġgħu niftħu l-ekonomija tagħna, imma naħsbu li dan għandu jsir b’mod differenti minn dak li konna nagħmlu qabel.

“Aħna naħsbu li se jkollna nimmaġimaw Milan mill-ġdid f’din is-sitwazzjoni l-ġdida. Irridu nħejju ruħna; għalhekk huwa importanti li niddefendu kull parti tal-ekonomija, li nappoġġjaw bars, artiġjani u ristoranti. Meta jgħaddi dan kollu, il-bliet li jkun għad għandhom dan it-tip ta’ ekonomija għaddejja se jkollhom vantaġġ, u aħna rridu li Milan tkun ma’ dawn l-ibliet f’din il-kategorija.”

Milan hija belt żgħira b’popolazzjoni densa, li fiha 15-il kilometru minn tard sa tarf imma li għandha 1.4 miljun resident, u 55% minn dawn jużaw it-trasport pubbliku biex imorru għax-xogħol. Il-vjaġġ medju huwa ta’ anqas minn 4km, u dan jagħmilha possibbli li ħafna mir-residenti jistgħu jagħżlu modi  attivi ta’ trasport minflok jużaw il-karozzi tagħhom.

Ix-xogħlijiet jistgħu jibdew fuq medda ta’ 8km bl-isem ta’ Corso Buenos Aires, waħda mit-toroq l-aktar magħrufa għax-xiri fil-belt, fil-bidu ta’ Mejju – b’karreġġjata ġdida għar-roti u bankini usa’. L-uffiċjali qalu li x-xogħol jista’ jitlesta sal-aħħar tas-sajf.

Janette Sadik-Khan, eks kummissarju tat-trasport fil-belt ta’ New York, qed taħdem mal-awtoritajiet ta’ diversi bliet inkluż Bogota u Milan fuq il-programmi ta’ rkupru tat-trasport tagħhom. Hija tgħid li Milan, li tinsab xahar quddiem bliet oħra madwar id-dinja fl-imxija tal-pandemija, tista’ tipprovdi pjan strateġiku lil bliet oħra.

“Ħafna bliet u anke pajjiżi ġew definiti bil-mod li bih dawn aġixxew storikament, f’sitwazzjonijiet politiċi, soċjali jew ta’ rikostruzzjoni fiżika,” qalet.

“Il-pjan ta’ Milan huwa tant importanti għax dan jistabbilixxi strateġija ideali dwar kif nistgħu nerġgħu norganizzaw l-ibliet tagħna wara dan il-perjodu. Din hija opportunità unika li nerġgħu nħarsu mill-ġdid lejn it-toroq tagħna u niżguraw ruħna li dawn se jagħtuna r-riżultati mistennija: mhux biss biex il-karozzi jaslu malajr kemm jista’ jkun minn punt A għal punt B, imma li jkun possibbli li kulħadd jivvjaġġa b’mod sikur.

“Jien ċerta li Milan se sservi ta’ gwida għat-toroq tagħna fi New York City.”

Pierfrancesco Maran, viċi sindku ieħor ta’ Milan, qal: “Għandna naċċettaw il-fatt li għax-xhur li ġejjin, forsi anke għas-sena li ġejja, se jkollna normalità ġdida, u għalhekk irridu noħolqu kundizzjonijiet tajba biex inkunu nistgħu ngħixu dan il-mod ġdid billi ninkludu lil kulħadd.

“Jien inħoss li fix-xahar li ġej, f’Milan, fl-Italja, fl-Ewropa, se nkunu qed niddeċiedu parti mill-futur tagħna għall-għaxar snin li ġejjin. Qabel konna qed nippjanaw għas-sena 2030; issa qed insejħu din il-fażi ġdida 2020. Minflok naħsbu dwar il-futur, irridu naħsbu dwar il-preżent.”

Fir-Renju Unit, nhar it-Tnejn, fi Brighton reġgħet infetħet iż-żona mal-baħar, Madeira Drive, għal persuni bil-mixi u għal ċiklisti biss, bejn it-8:00 ta’  filgħodu sat-8:00 ta’ filgħaxija. F’Barnes, Londra, negozji u residenti għalqu parti mit-triq barra miż-żoni tax-xiri biex jestendu ż-żoni pedonali u biex dawk li jkunu qed jixtru jkollhom biżżejjed spazju minn xulxin.

Intant, f’Dublin fir-Repubblika tal-Irlanda, qed jiġu sospiżi ż-żoni tat-tagħbija u l-parkeġġi sabiex jiżdied l-ispazju għal distanza soċjali, fejn qed jintużaw separaturi temporanji tal-plastik.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn