Pjaċiri minn Ministri: Il-Kummissarju tal-Istandards jintalab jinvestiga

Read in English.

It-tifel ta’ Hugo Chetcuti, Luke Chetcuti, inqabad jgħid li waqt ikla mal-Ministru għall-Ekonomija Chris Cardona, il-Ministru bagħat messaġġ lil Ministru għat-Turiżmu Konrad Mizzi “Hemm bżonn ngħinu lill-familja Chetcuti, għax huma dejjem għenuna [b’referenza għall-Partit Laburista],”. Mizzi allegatament wieġeb li l-bajja ta’ San Ġorġ hi pjuttost żgħira iżda se jkun qed jara x’jista’ jagħmel biex din titkabbar.

Fi program investigattiv li ntwera ilbieraħ Enquête exclusive, Chetcuti jinstema’ jilmenta mal-maniġer tal-lukanda fuq il-konċessjoni tal-bajja ta’ San Ġorġ.

Chetcuti kien imbagħad ikkuntattjat mill-programm, fejn huwa sostna li l-filmat ittieħed barra mill-kuntest. Kemm il-Ministru Cardona u l-Ministru Mizzi ċaħdu akkużi ta’ użu illeċitu tal-influwenza.

Il-Kummissarju għall-Istandards mitlub jinvestiga

Il-Kummissarju għall-Istandards, George Hyzler, intalab jinvestiga l-każ mill-kandidat indipendenti Arnold Cassola.

Fl-ittra li bagħat Cassola huwa saħaq li l-gravità tal-istqarrija minn Chetcuti hi waħda “enormi”.

Il-bajja li għaliha qed jirreferi Chetcuti fil-filmat hi okkupata mill-Intercontinental, saħaq Cassola.

Cassola saħaq li dak li qed jimplika Chetcuti huwa li Ministru qed jintervjeni ma’ Ministru ieħor biex jagħmel pjaċir lil Chetcuti. Il-kandidat indipendenti osserva kif il-Ministru Mizzi minflok ċanfar lill-Ministru Cardona u rrappurtah huwa jwieġeb li se jara “jistax ikabbarha biex jaqdi lil Chetcuti”.

Fl-ittra tiegħu Cassola elenka seba’ elementi ta’ mġiba ħażina u bla etika li kienu implikati minn Chetcuti.

Dawn huma:

  1. Businessman jipprova jinfluwenza Ministru (Cardona) biex jiffavorih;
  2. Il-Ministru (Cardona) jaccetta li jkun influwenzat;
  3. Il-Ministru (Cardona) jimplika lil Ministru iehor (Mizzi);
  4. Il-motivazzjoni hija wahda nepotistika: Biex naqdu lil min dejjem ghinna;
  5. Il- Ministru Mizzi ma jirrifjutax;
  6. Anzi, Mizzi juri r-rieda tieghu li jagevola lill-businessman;
  7. Mizzi lest jesplora jekk jistax ikabbar (bil- flus tat-taxpayer) il-bajja biex jaqdi lill-businesman privat Chetcuti.

“Il-Ministru għat-Turiżmu ma jagħtix konċessjonijiet ta’ art”

Fi stqarrija l-Gvern sostna li mhux minnu li ntużat xi influwenza politika relatata mal-konċessjoni tal-bajja ta’ San Ġorġ. Żied jgħid li dan għaliex il-Ministru tat-Turiżmu ma jagħti l-ebda konċessjonijiet.

Il-Gvern temm jgħid li jilqa’ kwalunkwe investigazzjoni mill-Kummissarju għall-Istandards fuq dak li ntwera fil-programm Franċiż.

Aqra iktar:

Aġenti taċ-ċittadinanza Maltija jiftaħru b’rabtiet mal-Gvern

Filmat: Żewġ irġiel jeqirdu l-mafkar ta’ Daphne