Piż kbir għal Martina

Illum fit-3pm TVM se jixxandar it-tielet episodju tas-sensiela Għada Jisbaħ Ukoll li oriġinarjament kien ixxandar fl-2004.

Dan l-episodju huwa mimli sitwazzjonijiet li se jlaqqgħuna ma’ ħafna karattri u l-problemi tagħhom. L-ittri ta’ Peter isiru piż kbir għal Martina. Jibdew deħlin ħafna ħsibijiet f’rasha minħabba dak li tkun qed taqra.

Ommha ma tistax tifhem għaliex Martina qisha nbidlet mil-lejl għan-nhar u dan jibda jinkwetaha ħafna!

Lucy, bil-ħafna kliem tagħha, ħafna drabi tispiċċa tikkumplika daqsxejn l-affarijiet. Il-ħajja ta’ Ġulja wkoll se tikkumplika ftit ruħha. Bejn l-interess persistenti ta’ Philip u anke s-sitwazzjoni familjari naraw lil dan il-karattru jiżviluppa bil-mod il-mod.

Insiru nafu lil ommha Miriam, karattru li forsi f’uħud mit-telespettaturi se jqajjem ftit ta’ dilemma. Jean Paul imur ifittex lil Nathalie bl-għajnuna ta’ Blend mingħajr ma jaf eżattament għaliex għandu jagħmel dan! Bejn Mark u Rina issa hemm baħar imqalleb ħafna.

Rina tistqarr ma’ Nathalie l-interess tagħha lejn Karl, il-lecturer tagħha.

Is-sensiela nkitbet minn Ġorġ Peresso fuq addattament ta’ Caro Domani li Pupi Avati kien ħadem għall-istazzjon SAT 2000 fis-sena 1999.