Pixxina taħt l-art f’ODZ fl-Għarb

Google maps

Qed tiġi proposta pixxina taħt l-art li tinkludi wkoll żona rikreattiva maġenbha, u faċilità tal-ikel kif ukoll applikazzjoni biex jiġu sanzjonati miżuri differenti fil-pjan u d-disinn ta’ dan il-Leasure park għal liema kien inħareġ il-permess fl-2007, fl-Għarb, Għawdex. L-applikazzjoni qed issir f’isem is-sindku tal-Għarb. Il-pixxina se tkun fit-tieni livell taħt l-art u maġenba se jkollha żona ta’ rikreazzjoni fuq Triq Tumas Cassar.

L-oġġezzjonijiet għal dan il-proġett iridu jsiru sal-5 ta’ Ottubru.

Waħda mill-oġġezzjonijiet qalet li ż-żona hi ddiżinjata bħala żona miftuħa ta’ rikreazzjoni. Il-persuna li oggeżżjonat qalet li pixxina taħt l-art ma tikwalifikax bħala rikreazzjoni fil-miftuħ u hu mifhum li biex il-proġett ikun vijabbli hemm bżonn ta’ miżata għal dawk li jagħmlu użu mill-pixxina. Il-persuna tgħid ukoll li l-applikant ma żammx ma diżinji li ġew approvati mill-Awtorità tal-Ippjanar u kien hemm diversi tibdiliet bejn dak li kien propost u dak li sar.

L-Awtorità tal-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) innuttat kif siġar taż-żebbuġ fuq is-sit li rridu jitneħħew u rrakkomandat li dawn għandu jitħawwlu post ieħor. Filwaqt li ssuġġerit li minħabba li l-post huwa barra miż-żona tal-iżvilupp kemm jista’ jkun ma għandux jkun hemm dawl qawwi jagħti għal fuq naħat li mhumiex żvilupati.

Il-Partit Demokratiku fi stqarrija qal li huwa kontra din l-applikazzjoni dan għaliex fi kliem il-Partit, qed tiġi mwittija t-triq għat-trasferiment ta’ porzjon sostanzjali ta’ art pubblika lil entitajiet privati taħt l-iskema ta’ Public-Private Partnership, fejn il-Gvern jidħol fi sħab mal-privat. Il-PD saħaq li l-pubbliku ma jaf xejn dwar min hu s-sieħeb privat f’dan il-proġett u x’kienu t-termini u kundizzjonijiet f’dan il-ftehim.

Dan is-sit prova jagħmel kuntatt mal-Kunsill Lokali tal-Għarb iżda ma rnexxilux.