Pittura ta’ San Ġorġ Preca għal Lourdes; imħabbra vjaġġi diretti

Pittura kkummissjonata apposta ta’ San Ġorġ Preca se titqiegħed fil-grotta ta’ Lourdes. Dan se jkun parti mis-sehem ta’ Malta fiċ-ċelebrazzjonijiet fl-għeluq il-160 anniversarju mid-dehriet tal-Madonna lil Santa Bernardette Soubirous. Din l-inizjattiva ttieħdet minn aġenzija tal-ivvjaġġar li ħabbret ukoll vjaġġi diretti minn Malta lejn Lourdes li mistennija jibdew fiż-żmien li ġej.
Ma’ Newsbook.com.mt, il-Kap Eżekuttiv tal-ajruport ta’ Lourdes, Bertrand Bilger, spjega li din is-sena hija sena speċjali għal Lourdes u minħabba r-relazzjoni speċjali ma’ Malta inħass il-bżonn li jibdew sensiela ta’ titjiriet diretti tal-Air Malta għall-ajruport ta’ Lourdes.
Min-naħa l-oħra, Noel Farrugia, id-Direttur tal-Brittania Services Ltd ħabbar li wara bosta diskussjonijiet Lourdes se jkollha inkwatru speċjali tal-qaddis Malti Dun Ġorġ Preca.
Id-diskussjonijiet li saru bejn l-aġenzija tal-ivvjaġġar u l-Arċisqof ta’ Lourdes wasslu sabiex il-qaddis Malti jkollu post ħdejn il-pitturi ta’ bosta qaddisin oħra. Il-pittura se tinħadem minn artist Malti, u se tittella fl-ewwel titjira tad-29 ta’ Ġunju u ssir ċelebrazzjoni sabiex jiġi espost fil-Knisja.
Apparti minn hekk, saħaq li tul it-30 sena li l-Brittania ilha tikkollabora mal-entitajiet f’Lourdes, il-kumpanija dejjem irnexxielha ġġib ħinijiet aħjar għall-vjaġġi lejn Lourdes.
Skont il-Viċi Sindku ta’ Lourdes, Bruno Vinuales, il-160 anniversarju se jġib miegħu bosta ċelebrazzjonijiet u pellegrinaġġi. Dan filwaqt li saħaq ma’ Newsbook.com.mt li Lourdes huwa post totalment sikur.

Intervista mal-Viċi Sindku ta' Lourdes u d-Direttur tal-Ajruport f'Lourdes from NewsBook.com.mt on Vimeo.
Sabiex tiġi mfakkra r-relazzjoni b’saħħitha bejn Malta u Lourdes, it-30 anniversarju ta’ din il-ħidma ġie rrikonoxxut permezz ta’ avveniment fl-MFCC fejn tħabbru dawn l-inizjattivi u oħrajn li se jkomplu jsaħħu din ir-relazzjoni.