Pittura ta’ Borg Pisani mogħtija lil Heritage Malta

Albert Ganado ta b’donazzjoni pittura li turi lil Dr Manoel Mizzi. Din kienet impittra minn Carmelo Borg Pisani u ingħatat lil Heritage Malta. L-għotja ta’ Ganado saret fuq xewqa tal-istess Mizzi li kien jiġi ħatnu.

Mizzi kien wera x-xewqa li din il-pittura biż-żejt fuq il-canvas tingħata lill-Mużew Nazzjonali tal-Arti li llum hu MUŻA. Mizzi kien sar ħabib ta’ Carmelo Borg Pisani waqt li kien qed jistudja f’Ruma lejn l-aħħar tas-snin 30. F’dak iż-żmien Borg Pisani kien qed jistudja fl-Accademia di Belle Arti f’Ruma.

Skont stqarrija li ħarġet Heritage Malta, Pisani pitter lil Mizzi fit-30 ta’ Settembru 1940, ġurnata qabel ma l-familja Mizzi marret toqgħod Padova peress li l-ħajja f’Ruma kienet saret wisq għalja.

Din is-sena ħabat l-ewwel ċentinarju mit-twelid ta’ Mizzi.

Ganado ppreżenta l-pittura liċ-Chief Operations Officer ta’ Heritage Malta, is-Sur Kenneth Gambin, fil-preżenza tal-Kuratur Kenneth Cassar, u l-Kuratur Bernadine Scicluna.