Pittur żagħżugħ f’ħajjet Christina

Is-sensiela Ġiżelle tkompli llum fuq l-istazzjon One hekk kif fit-8.30pm jixxandru żewġ puntati wara xulxin. Illum imiss it-tielet u r-rab’ puntata ta’ din is-sensiela maħluqa minn Evelyn Saliba La Rosa, Abigail Mallia, Carlos Debattista u Rachel Cachia.

Fl-ewwel waħda tal-lejla, li jiġi t-tielet episodju mill-ewwel staġun, naraw li hekk kif jiżvolġi l-ballu f’ħajjet Christina jidħol ġuvni jismu Gerome. Dan huwa pittur żagħżugħ. Niltaqgħu wkoll mal-ħabib tiegħu Martin, li bla dubju se jħalli tbissima fuq wiċċ kulħadd.

F’nofs il-ballu titfaċċa Vivienne, il-mara ta’ Luigi, illi tixħet xejra ta’ niket fuq l-okkażjoni festuża.

Naraw ukoll li tissawwar relazzjoni bejn Claude u Gail. Iżda f’Gail se naraw bosta inċertezzi hekk kif f’daqqa waħda qed tħossha konfuża u indeċiża għaliex taf li eventwalment se jkollha tfittex il-veritajiet ta’ qalbha biex tiskopri lilha nfisha.

Fit-tieni puntata tal-lejla, li hija r-raba’ waħda mill-ewwel staġun ta’ Ġiżelle se naraw kif bejn Claude u Gail tkompli tissawwar relazzjoni ta’ mħabba waqt li t-twissijiet ta’ Oliver jaqgħu fuq widnejn toroz.

Intant it-tabib ikellem lil Luigi dwar l-istat mentali ta’ Vivienne u x’qed jikkaġuna l-vuċijiet li hija qegħda tisma’.

Bejn Gerome u Christina tikber l-emozzjoni hekk kif donnu li dawn it-tnejn huma magħmula għal xulxin.

Fl-aħħarnett se naraw kif fi triq imwarrba jiltaqgħu żewġt irġiel li jsawwru pjan mill-aktar kiefer.