€3.5 miljun għar-riġenerazzjoni tal-Ġnien tal-Mall fil-Furjana

DOI: Jeremy Wonnacott

Tħabbar investiment ta’ madwar €3.5 miljun f’riġenerazzjoni tal-Ġnien tal-Mall fil-Furjana waqt żjara mill-Ministru għat-Turiżmu Konrad Mizzi, minn membri tal-Kunsill Lokali tal-Furjana u minn uffiċjali tal-Grand Harbour Regeneration Corporation.

Il-Ministru Konrad Mizzi qal li apparti pavimentar u disinn ġdid, dan il-ġnien se jinkludi aktar siġar minn dawk preżenti u għalhekk se jiżdied l-ammont totali ta’ siġar. L-investiment jinkludi wkoll restawr ta’ dawra ta’ żewġ monumenti, fosthom dak tal-Indipendenza, li jinsabu f’dan il-ġnien.

Semma li r-riġenerazzjoni ta’ dan il-ġnien tikkumplimenta l-proġetti l-oħra li saru fid-daħla tal-Belt Valletta u fil-Furjana. Permezz tal-Grand Harbour Regeneration Corporation saru proġetti bħal dawk li huma ta’ Pjazza Tritoni, ta’ Biskuttin u ta’ Ġnien Laparelli li jinsabu propju maġenb dan il-post.

Pitch ġdid f’Wied il-Għajn; se jiswa €4.2 miljun

Permezz tal-fondi li ngħataw minn Sport Malta, f’Wied il-Għajn se jinbena pitch ġdid b’investiment ta’ €4.2 miljun. Dan ħabbru l-Prim Ministru Joseph Muscat waqt konferenza tal-aħbarijiet.

Muscat qal li permezz ta’ dan il-proġett, il-Gvern qed ikompli jinvesti fil-komunità ta’ Wied il-Għajn. Żied li dan il-proġett, se jagħti żvog għat-tfal u ż-żgħażagħ tal-lokal.

Is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, Sport u Għaqdiet tal-Volontarjat Clifton Grima qal li dan il-proġett immexxi minn Sport Malta se jkun ta’ livell internazzjonali fejn jista’ jintlagħab logħob tal-waterpolo kif ukoll taħriġ tal-għawm. Żied li l-proġett mistenni jkun lest fl-2020 u se jkun jikkumplimenta l-Istrateġija Nazzjonali għall-Isport.

Il-Kap Eżekuttiv ta’ Sport Malta s-Sur Mark Cutajar qal li l-faċilità ħa tkun mgħammra bl-aħħar teknoloġija favur l-ambjent. Huwa kien qed jirreferi għal mod kif se jkun qed jissaħħan l-ilma kif ukoll għall-ħażna tal-ilma.

Inawgurat grawnd tal-futbol f’Wied il-Għajn

Il-Prim Ministru Joseph Muscat flimkien mas-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, Sport u Għaqdiet tal-Volontarjat Clifton Grima, is-Sibt filgħodu jnawgura kumpless tal-futbol f’Wied il-Għajn. Dan sar b’investiment ta’ €2.5 miljun.

Muscat qal li l-gvern investa f’żewġ proġetti sportivi kbar f’Wied il-Għajn u dan juri kemm is-surplus verament qed jasal għand in-nies u l-komunità. Żied li l-għan ewlieni hu li din il-faċilità hu tintuża bl-aħjar mod possibbli biex permezz tal-istrateġija nazzjonali għall-isport indaħħlu mentalità fit-tfal mhux biss ikunu parteċipattivi imma rebbiħin.

Is-Segretarju Parlamentari qal li parti mill-Istrateġija tal-Isport tal-gvern qed tiffoka fuq it-titjib ta’ faċilitajiet tal-isport eżistenti flimkien mal-bini ta’ oħrajn ġodda li qed isseħħ bi pjan għal oqsma ta’ sport differenti.

Il-kumpless sportiv jinkludi grawnd tal-ogħla livell approvat mill-FIFA u kwartieri għall-klabb tal-futbol kemm tal-kbar u anke tan-nursery. Il-faċilità hi mgħammra wkoll b’dressing rooms, sala tal-konferenzi, uffiċini u ristorant li jista’ jiġi kummerċjalizzat.

Din il-faċilità tinkludi wkoll ġibjun biex jinġabar l-ilma u jkun qed jitħares ukoll l-ambjent. Il-grawnd se jkun jista’ jiġi utilizzat filgħodu mill-iskejjel tal-lokal u anke minn soċjetajiet diversi f’Wied il-għajn biex b’hekk ikun qed jiġi massimizzat il-potenzjal ta’ din il-faċilità.

Uffiċċju ġdid tal-MCCAA f’Għawdex

Il-Ministru għal Għawdex Justne Caruana, is-Sibt inawgurat l-uffiċċju l-ġdid tal-Awtorità Maltija għall-Kompetizzjoni u l-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA) f’Għawdex.

Hija qalet li f’Ottubru li għadda ġie ffirmat ftehim li bis-saħħa tiegħu l-Awtorità Maltija għall-Kompetizzjoni u l-Affarijiet tal-Konsumatur setgħet tibda topera minn Għawdex. Caruana kompliet li dan wassal biex iktar Għawdxin jkomplu jaħdmu Għawdex.

Hija ħabbret li hemm ftehim ma’ awtorità u entità oħra u għalhekk l-Ministeru ta’ Għawdex offra uffiċini li minnhom ikun jista’ jsir ix-xogħol tal-awtorità.

Is-Segretarju Parlamentari għad-Drittijiet tal-Konsumatur, Indafa Pubblika u s-Sostenn tal-Belt Kapitali Deo Debattista spjega kif il-ftuħ ta’ dan uffiċċju f’Għawdex se jgawdu minnu kemm il-konsumatur Għawdxi, il-ħaddiem Għawdxi, kif ukoll l-industrija Għawdxija. Spjega permezz ta’ dan l-uffiċċju se jitjiebu l-kundizzjonijiet tal-impjegati Għawdxin tal-Awtorità, filwaqt li jiġu offruti numru ta’ servizz ta’ kwalità lill-konsumatur u lill-industrija Għawdxija.

Disinji tal-Outpatients il-ġdid lill-Awtorità tal-Ippjanar

Il-Ministeru tas-Saħħa ppreżenta disinji tal-blokk ġdid tal-Outpatients li se jinbena ħdejn l-Isptar Mater Dei lill-Awtorità tal-Ippjanar. Dan il-proġett se jiswa madwar €170 miljun u se jitlesta fi żmien erba’ snin.

Dan il-bini se jkun ċentru tal-Outpatients modern b’enfasi fuq l-aħjar kura għall-pazjent f’binja mill-aktar moderna. Il-binja se jkollha parkeġġ li se jkun fuq żewġ livelli, livell għall-parkeġġ tal-istaff u livell għall-parkeġġ pubbliku. B’kollox il-parkeġġ se jesa’ 661 vettura. Sular minn din il-binja se jkun użat bħala venda għat-trasport pubbliku biex b’hekk tonqos il-konġestjoni tat-traffiku fl-entratura tal-Isptar Mater Dei.

Il-binja se jkollha kmamar għal konsulenzi mediċi fl-ispeċjalitajiet kollha eżistenti fil-binja tal-Outpatients eżistenti kif ukoll se tintegra servizzi kliniċi relatati li fil-preżent mhumiex fil-binja tal-Outpatients.