Pistorius jista’ jerġa’ lura l-ħabs…għal iktar snin

L-atleta paralimpiku Oscar Pistorius jista’ jerġa’ jispiċċa l-ħabs hekk kif il-Qorti fl-Afrika t’Isfel qed tisma’ l-appell mill-Prosekuzzjoni, li trid li l-atleta jiġi kkundannat għal qtil premeditat, mhux qtil biss, tat-tfajla tiegħu Reeva Steenkamp.
Il-Prosekuzzjoni qed tinsisti li l-atleta kellu jkun konxju li jekk jispara erba’ tiri lejn bieb magħluq, kien se joqtol lil min kien hemm wara l-bieb, immaterjali jekk din kinitx it-tfajla tiegħu jew xi ħalliel, kif dejjem insista hu.
L-Afrika t’Isfel qed tagħti importanza kbira lil dan il-każ, tant li s-seduta tal-Qorti qed tixxandar b’mod dirett fuq it-televiżjoni nazzjonali.
Pistorius qed jiskonta t-tieni minn ħames snin priġunerija, issa mid-dar wara li ftit ġimgħat ilu ngħata l-permess jiskonta l-bqija tas-sentenza mid-dar.
Jekk il-Prosekuzzjoni tingħata raġun, is-sentenza ta’ Pistorius tista’ titla’ għal minimu ta’ 15-il sena ħabs.