Pistola u munizzjon f’bagalja fl-ajruport

Pistola tal-gass tad-dmugħ u munizzjon instabu f’bagalja li kienet qed titgħabba f’ajruplan li kien se jtir lejn Tel Aviv, l-Iżrael, ilbieraħ filgħaxija għall-ħabta tal-ħdax w’għoxrin.

Dawn l-oġġetti nstabu minn uffiċjali tas-sigurtà tal-ajruport waqt spezzjoni tal-bagalji li kienu qed jiġu pproċessati għat-titjira tal-Air Malta KM 7828.

Fi tfittxija fil-preżenza ta’ sid il-bagalja, Iżraeljan t’40 sena, instabu pistola li tispara’ l-gass tad-dmugħ u magazine bi ħdax-il balla fil-pocket ta’ barra tal-bagalja, li ma kienx maqful. Instabet ukoll sikkina zgħira tal-ikel li kienet f’kompartament imsakkar.

Mistoqsi dwar l-armi, l-passiġġier, li deher sorpriż b’dak li nstab, ċaħad li kien jaf bil-pistola u l-munizzjon. Madankollu, huwa stqarr li s-sikkina kienet t’oħtu, li kienet passiġġiera fuq l-istess titjira. Huwa żied jgħid li kien ħalla l-bagalja f’luggage room ta’ lukanda f’San Ġiljan għal ħabta ta’ nofsinhar u kien ġabarha filgħaxija fid-disgħa w’nofs u jissusspetta li xi ħadd seta’ poġġa l-affarijiet fiha dak il-ħin.

Il-passiġġier ittieħed l-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija għal aktar stħarriġ waqt li reġa’ sar screening tal-passiġġieri u l-bagalji kollha tal-istess titjira.

Minn aktar stħarriġ li sar flimkien mal-awtoritajiet Iżrajeljani rriżulta li s-suspettat kien pulizija affidabbli u kien għadu kif temm mawra ta’ ħamest ijiem mal-familja tiegħu. Kien ikkonfermat ukoll li l-luggage room tal-lukanda fejn tpoġġiet il-bagalja kienet aċċessibli għal kulħadd.

Kien wara taħdidiet mal-awtoritajiet Iżraeljani li l-passiġġier kien skortat lura l-ajruport, fejn telaq lura pajjiżu fuq l-istess titjira, li ttardjat b’aktar minn erba’ sigħat u telqet ftit qabel il-ħamsa ta’ dalgħodu.

Minn spezzjoni li saret fuq l-armi li nstabu, li baqgħu fil-kustodja tal-pulizija, kien ikkonfermat li l-pistola tispara’ gass tad-dmugħ u li ma kinitx kompatibbli mal-magazine li nstab.