Piscopo mhux se jibqa’ Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Artijiet

Aġġornat 06:53 PM
james-piscopo-fb

Read in English.

James Piscopo mhux se jibqa’ Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Artijiet. Dan tħabbar permezz ta’ stqarrija li fiha l-Awtortià ħabbret li beda l-proċess sabiex toħroġ sejħa għall-irwol ta’ Kap Eżekutttiv tal-Awtorità tal-Artijiet wara li James Piscopo m’għandux intenzjoni li jġedded dan il-kuntratt.

Din l-aħbar ġiet wara l-ġurnal Times of Malta rraporta li Piscopo jinsab taħt investigazzjoni kriminali dwar tixħim u korruzzjoni wara allegazzjonijiet ta’ kont offshore li fih kien hemm madwar €600,000. Dawn l-allegazzjonijiet kienu saru mill-eks Chief of Staff tal-eks Prim Ministru Joseph Muscat, Keith Schembri, lill-Pulizija. Piscopo ċaħad li huwa għandu xi rabta mal-allegat fondi Fairbairn Private Bank f’Jersey.

Piscopo ilu fl-irwol ta’ Kap Eżekuttiv minn Lulju 2018. Fl-istqarrija l-Awtorità tal-Artijiet qalet li se tibda dan il-proċess biex ikun hemm tranżizzjoni adekwata.

Komplew li matul is-snin ta’ ħidma ta’ Piscopo, l-Awtorità rreġistrat progress sinjifikanti u kien hemm transformazzjoni konsistenti fosthom fin-nuqqas ta’ dewmien, ġew introdotti applikazzjonijiet online, nuqqas ta’ dewmien ta’ rispons u ġġeneraw dħul rekord għall-Gvern. L-Awtorità tal-Artijiet kompliet li matul dan il-perjodu ġew ippubblikati avviżi legali importanti li jindirizzaw kwisjonijiet li ilhom għaddejjin fosthom il-fidwa tal-kera temporanja li permezz tagħha eluf ta’ persuni se jkollhom il-possibilità li jsiru sidien ta’ djarhom.

L-Awtorità tal-Artijiet irringrazzjat lil Piscopo għax-xogħol tiegħu.

Jeħtieġ li ssir magħrufa l-verità kollha dwar it-taħwid ta’ James Piscopo u Keith Schembri – PN

Il-Partit Nazzjonalista qal li huwa importanti li ssir magħrufa l-verità kollha dwar it-taħwid ta’ James Piscopo u Keith Schembri.

Fi stqarrija l-PN qal li l-aħbar li James Piscopo mhux se jkun qed iġedded il-kuntratt tiegħu bħala Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Artijiet tkompli tikkonferma kemm l-ogħla karigi fil-pajjiż jinsabu maħkumin mill-klikka ta’ Robert Abela u Joseph Muscat. Żiedu li f’seba’ snin din il-klikka abbużat, kissret u żarmat l-istituzzjonijiet Maltin.

Din l-istqarrija kompliet li l-Gvern qed juża d-deċiżjoni ta’ James Piscopo li ma jġeddidx l-kuntratt tiegħu biex tingħata l-impressjoni li qed tittieħed azzjoni kontra min ikun suspettat li wettaq reati serji fosthom ta’ ħasil ta’ flus u korruzzjoni. Il-Partit Nazzjonalista fakkar li bħal Keith Schembri, James Piscopo kien u għadu parti mill-klikka ta’ Joseph Muscat u Robert Abela.

Il-PN saħaq li t-tluq ta’ James Piscopo minn Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Artijiet mhix biżżejjed biex tissodisfa l-obbligu tal-governanza tajba u titwettaq ġustizzja u saħqu li b’mod urġenti għandha ssir magħrufa l-verità kollha dwar l-aġir ta’ James Piscopo matul iż-żmien li kien f’pożizzjonijiet ta’ poter fl-Awtorità tal-Artijiet u fl-Awtorità għat-Trasport f’Malta.

Fakkru li dan jgħodd aktar meta wieħed iżomm f’moħħu li James Piscopo bħala Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Artijiet ingħata aktar poteri mill-Gvern Laburista fosthom id-dritt li jieħu deċiżjonijiet waħdu mingħajr il-ħtieġa li jkun hemm l-approvazzjoni tad-Bord tal-Gvernaturi tal-Awtorità tal-Artijiet.

Din l-istqarrija ġiet iffirmata minn Karol Aquilina bħala kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Governanza Tajba, Tisħiħ tad-Demokrazija, għaċ-Ċittadinanza u r-Riforma tas-Servizz Pubbliku u Kevin Cutajar bħala kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Artijiet, il-Kostruzzjoni u Ippjanar Sostenibbli