Pirro jeħlisha ħafif

Is-sewwieq tal-Moto GP Michele Pirro sofra inċident wara li tilef il-kontroll tal-mutur waqt li kien qed isuq b’veloċità ta’ 210 mfs f’Mugello.
Is-sewwieq Taljan ta’ 31 sena deher jinqata’ minn mal-vettura li kien fuqha qabel ma waqa’ bis-saħħa mal-art.
L-inċident seħħ fit-track matul sessjoni ta’ taħriġ u s-sewwieq tad-Ducati kien mill-ewwel assistit mill-istaff mediku qabel ma ttieħed fi sptar ġewwa Firenze fejn sarulu xi eżamijiet mediċi.
F’intervista fuq l-istazzjon televiżiv Spanjol Movistar, id-Direttur Sportiv tad-Ducati stqarr li Pirro qed jagħraf lin-nies ta’ madwaru iżda ma jiftakar xejn minn dak li ġara. Hu żied jgħid li għalkemm is-sewwieq qed iċaqlaq idejh u saqajh, hu jista’ jkollu injury fl-ispalla.