​Pirlo se jerġa’ jilgħab f’Malta

Wara li nhar il-Ħadd li għadda ħabbarna l-iskwadra Taljana li se taffronta lill-Ażerbajġan u lil Malta, il-kowċ Antonio Conte kellu jagħmel bidla fl-iskwadra.
Minflok il-plejer ta’ Milan Bonaventura, għażel lis-surmast Juventin Pirlo.
Bonaventura kien lagħab l-ewwel darba mat-tim nazzjonal Taljan fil-31 ta’ Mejju 2013, f’logħba ta’ ħbiberija kontra San Marino.
Għaldaqstant Bonaventura kellu jħalli Coverciano u minn eżamijiet mediċi li għamel f’Firenze għandu problema f’koxxtu x-xellugija.
Intant Pirlo lbieraħ filgħaxija ħalla l-Polonja fejn kien għall-preżentazzjoni tal-awtobijografija tiegħu u mistenni jingħaqad mat-tim nazzjonali llum.
Pirlo ilu nieqes mit-tim nazzjonali Taljan mill-24 ta’ Ġunju, dakinhar li l-Italja ġew eliminati mit-Tazza tad-Dinja kontra l-Urugwaj.