Pique jixtieq itemm il-karriera ma’ Barcelona – Shakira

Il-kantanta Kolombjana Shakira, li kienet mistiedna għall-programm Verissimo fuq Mediaset, stqarret illi s-sieħeb tagħha Gerard Pique jixtieq itemm il-karriera tiegħu ma’ Barcelona.
“Qalbu tħabbat għal dan il-klabb. Hu jgħid illi ma jarah mal-ebda tim ieħor jekk mhux mal-Katalani,” stqarret il-kantanta famuża għad-diski tagħha “Waka Waka” u “Whenever Wherever”.
Hi tkellmet ukoll dwar l-interess ta’ Juventus li jakkwistaw lil Pique wara t-tluq ta’ Bonucci f’nofs dan is-sajf.
Madanakollu l-internazzjonali Spanjol irrifjuta kull offerta hekk kif ried jibqa’ mal-Blaugrana.
Shakira temmet tgħid illi l-ebda ċifra kbira kemm hi kbira m’hi ser iċċaqlaq lis-sieħeb tagħha għal ma’ tim ieħor.
Xi xnigħat kienu qed jgħidu li l-koppja kienu f’xifer li jinfirdu madanakollu dan kollu ġie miċħud wara li Shakira kienet preżenti għal-logħba li Barcelona lagħbu barra minn darhom kontra Atletico Madrid li spiċċat fi draw ta’ 1-1.