Pilota tal-Air Malta sospiż

Arkivji

Pilota tal-Air Malta ġie sospiż milli jaħdem minħabba kummenti li għamel fuq il-midja soċjali.

Fi stqarrija qasira, l-Air Malta qalet li l-kummenti kienu dwar ħsara teknika li żviluppat fuq ajruplan tal-kumpanija. L-amminstrazzjoni tal-kumpanija qalet li fetħet inkjesta dwar il-każ. Il-pilota ġie sospiż sakemm titlesta l-investigazzjoni.

Fuq Facebook il-pilota kiteb li kien “tad-daħk” (“amusing”) li ajruplan tal-Air MAlta ‘mexa’ ma’ direttiva tal-unjin tal-bdoti peress li żviluppatlu ħsara teknika. Huwa kien qed jirreferi għall-ajruplan 9H-AHS.

Kelliem għall-Air Malta qal ma’ Newsbook.com.mt li l-kumpanija kellha r-regoli tagħha dwar l-imġieba tal-impjegati tagħha online. Madanakollu, il-kelliem qal ma setax jagħti kopja ta’ dawn ir-regoli lil din il-kamra tal-aħbarijiet.

L-Erbgħa li għadda titjira tal-Air Malta li kellha titlaq għal Pariġi fit-3.10pm ġiet ikkanċellata hekk kif għadd ta’ bdoti rrappurtaw li kienu ma jifilħux fl-istess waqt.

Fil-5 ta’ Settembru, żviluppat problema bl-autopilot waqt titjira tal-Air Malta lejn Malta. Kelliem għall-Air Malta qal ma’ Newsbook.com.mt li żviluppat ħsara teknika waqt it-titjira KM467 minn Pariġi għal Malta.