Filmat: Pilatus maqjel tal-kriminalità; pulizija jintlemħu fil-Bank – attivisti

Il-Bank Pilatus ġie deskritt bħala maqjel tal-kriminalità u mhux bank mill-attivisti li nġabru quddiemu dalgħodu li semmew ukoll li kien hemm preżenza tal-Pulizija ħdejn il-bank.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet li saret dalgħodu organizzata min-Netwerk tas-Soċjetà Ċivili (CSN), Occupy Justice, il-Kenniesa, u l-Awturi, l-attivisti qalu li qed jistennew li tittieħed azzjoni.
L-Attivisti qalu li l-evidenza li qed fadal fil-Bank Pilatus għandha tiġi investigata mill-Pulizija Maltija bl-għajnuna tal-Korpi tal-Pulizija barranin.
Il-blogger u attivist Manuel Delia qal li sa fejn jafu l-attivisti, il-Pulizija għadha ma ħaditx azzjoni wara li ħarġet l-aħbar li s-sid u ċ-ċermen tal-Bank Pilatus ġie arrestat it-Tlieta fl-Istati Uniti fejn qed jiġi akkużat li pparteċipa fi skema ta’ evażjoni tas-sanzjonijiet Amerikani kontra l-Iran.
Madanakollu, Delia rrimarka li sema’ li kien hemm “preżenza partikolari ta’ pulizija illum” ħdejn il-Bank Pilatus.
Delia qal li l-liċenzja tal-bank għandha tiġi rtirata sal-lum.  Żied jgħid li min għamel id-due diligence fuq il-Bank Pilatus kellu jitkeċċa għax huwa inkompetenti jew korrott.
Il-Kunsillier tal-Partit Nazzjonalista (PN) Michael Briguglio qal li dawn l-aħbarijiet qed jitfgħu dell ikrah fuq Malta u fuq L-Awtorità Maltija għas-Servizzi Finanzjarji (MFSA).
Brigulio qal li l-attivisti qed jinkwetaw dwar is-sigurtà tal-whistleblowers tal-Bank Pilatus (Maria Efimova) u tal-aġenzija tal-Gvern kontra l-ħasil tal-flus (Jonathan Ferris). Qal li l-Gvern Malti mhu qed jagħmel xejn biex jipproteġihom.
Ġurnalist li kien preżenti waqt il-konferenza tal-aħbarijiet fakkar lill-attivisti kif għalkemm kien hemm numru ta’ revelazzjonijiet dwar korruzzjoni fix-xhur preċedenti, xorta ma kienx hemm riżenji. Għal dal, Briguglio wieġeb li l-propoganda tal-Gvern Malti kienet li dan huwa kollu gideb tal-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia u l-frott ta’ konfoffi orkestrati mill-Membri tal-Parlament Ewropew Nazzjonalisti. Briguglio qal li din l-aħħar azzjoni kontra ċ-Ċerpersin tal-Bank Pilatus ittieħdet mill-Istati Uniti.
Filmat: Ian Noel Pace