Pilatus Bank: Sid il-bank jibqa’ arrestat

Is-sid ta’ Pilatus Bank wieġeb mhux ħati għall-akkużi li ħa sehem fi skema biex jevadi sanzjonijiet tal-Istati Uniti kontra l-Iran peress li uża kumpanija mill-Venezwela biex jgħaddi $115 lil kumpanija Iranjana.
Ali Sadr Hashemi Nejad, li huwa ċ-Ċerpersin ta’ Pilatus Bank wieġeb mhux ħati quddiem il-Maġistrat tal-Istati Uniti Barbara Moses f’Manhattan. Il-Maġistrat ma laqgħatx it-talba ta’ Sadr għall-ħelsien mill-arrest minħabba l-flus kbar u l-konnessjonijiet li għandu sid il-bank. Qalet li jkun hemm risjku kbir li jekk jinħeles mill-arrest, dan jaħrab.
L-avukat ta’ Sadr qal li l-klijent tiegħu aktarx ma kienx se jaħrab peress li huwa miżżewweġ ma’ ċittadin tal-Istati Uniti u li huwa resident legali tal-pajjiż.
Qal li l-mara u t-tfal ta’ Sadr kienu qed jgħixu f’Londra sakemm id-dar tagħhom f’Washington D.C. tiġi renovata.
Sid il-bank Malti, li huwa Iranjan ta’ 38 sena ġie arrestat f’Virginia b’sitt akkużi serji fosthom ta’ parteċipazzjoni f’evażjoni tas-sanzjonijiet, frodi u ħasil tal-flus.​
Il-prosekuzzjoni qed tgħid li Sadr kien qed jgħin biex jaħbi l-fatt li kumpanija mill-Venezwela kienet qed tħallas lil kumpanija ta’ familtu fl-Iran permezz tas-sistema finanzjarja tal-Istati Uniti. Qal li dan huwa ksur ta’ sanzjonijiet. Qalu li Sadr uża’ entitajiet fl-Isvizzera u fit-Turkija biex jaħbi l-konnessjoni Iranjana tal-fondi.
Skont ir-Reuters, Pilatus Bank ma rrispondiex għat-talbiet li sarulu għal kummenti tiegħu dwar il-każ.
L-Awtorità Maltija għas-Servizzi Finanzjarji, l-MFSA ħatret lil Lawrence Connell bħala ‘Persuna Kompetenti’ biex tieħu ħsieb l-assi kollha tal-Bank Pilatus wara li keċċiet lil Sadr.
Storja: Reuters