Pilatus Bank: Skont l-Istati Uniti twaqqaf f’Malta minn dħul kriminali

Skont l-Istati Uniti, Pilatus Bank twaqqaf f'Malta minn dħul kriminali.
Waqt il-kawża li għaddejja bħalissa fil-Qorti Amerikana dwar iċ-Chairman ta’ Pilatus Bank ġie magħruf li l-flus li ntużaw biex jitwaqqaf il-bank f’Malta ġew minn attivitajiet illeċiti permezz ta’ “dħul kriminali” mill-Veneżwela.
Ali Sadr qed ikun akkużat pparteċipa fi skema li fiha intużaw aktar minn $115 miljun f'pagamenti għal kumpless ta' akkomodazzjoni fil-Venezwela b'mod illegali permezz tas-sistema finanzjarja tal-Istati Uniti biex minnha gawdew individwi u entitajiet Iranjani.
Fi tweet, id-deputat Nazzjonalista Karol Aquilina ppubblika parti mit-traskrizzjoni tal-proċeduri ffirmata mill-Avukat tal-Ġenerali Amerikan ilbieraħ.

https://platform.twitter.com/widgets.js

Fiha jingħad li l-bank Pilatus kien imwaqqaf permezz ta’ dħul kriminali marbut direttament mal-proġett fil-Venezuela. Jispjega li Ali Sadr uża flus mill-proġett, jiġifieri miljun Frank Svizzeru, u €8 miljun biex jistabbilixxi u jikkapitalizza Pilatus Bank fl-2013.
Apparti l-flus tiegħu fil-Bank Pilatus li jammontaw għal $12.9 miljun, l-avukati qalu li s-Sur Hasheminejad għandu appartament f'Washington, li jiswa madwar $1.5 miljun, rziezet tal-pistaċċi f'Kalifornja b’valur ta’ $5.7 miljun, $ 3.1 miljun f'kontijiet bankarji f'Ċipru kif ukoll aktar $ 70,000 f'kontijiet bankarji oħra.
Mit-traskrizzjoni tal-Qorti jingħad li dawn kollha ġew akkwistati minn fondi illegali tal-Veneżwela.
L-Amerikani huma tal-fehma li Ali Sadr għandu aċċess għal ħafna aktar flus minn dak li qed jiddikjara.
Fis-seduta tal-bieraħ, l-Avukat Ġenerali rrakkomanda lill-Imħallef tas-Southern District ta’ New York biex Ali Sadr ma jingħatax il-ħelsien mill-arrest u għaldaqstant jibqa’ arrestat kif kien għal dawn l-aħħar xahrejn.
L-MFSA għandha tippubblika r-rapport dwar Pilatus Bank – Casa
Fi stqarrija, l-Membru Parlamentari Ewropew David Casa qal li l-Awtorità Maltija għas-Servizzi Finanzjarji, l-MFSA għandha tippubblika immedjatament l-Foreign Intelligence Report dwar Pilatus Bank.
Casa qal li matul laqgħa tal-Kumitat TAX3, ir-rappreżentanti tal-MFSA infurmaw lill-MEPs li matul il-proċess qabel ma twaqqaf il-Bank Pilatus, kien ġie kkummissjonat "rapport ta' informazzjoni" minn ditta indipendenti barranija li approvat il-Bank Pilatus.
L-MFSA ma żvelatx l-identità u ma elaboratx dwar il-kontenut ta’ dan id-dokument.
Ritratt: Reuters