Pilatus Bank: “Ma nistax niżvela aktar dwar it-taħditiet mal-Amerikani”

Il-Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar qal li l-Korp tal-Pulizija qed joffri s-servizzi tiegħu lill-awtoritajiet Amerikani, għaldaqstant ma jistax jelabora aktar minn dak li ntqal fl-istqarrija.
Huwa kien qed iwieġeb għall-mistoqsijiet tal-ġurnalisti fil-kwartieri tal-Pulizija wara l-inawgurazzjoni tal-kamra ġdida tal-kontroll tal-112.
Il-Kummissarju kompla jgħid li minkejja li Malta ma għandiex x’taqsam mal-każ wara l-arrest tas-sid tal-Bank Pilatus, il-Pulizija Maltija xorta waħda offriet is-servizzi tagħha lill-awtoritajiet Amerikani.
Madanakollu ma weġibx meta mistoqsi jekk il-Pulizija Maltija hux se tinvestiga l-Bank Pilatus.
Filwaqt li tkellem fuq in-numru ta’ kummenti li qed jgħaddu bosta li qed jitolbu għar-riżenja tiegħu mill-pożizzjoni għolja fil-korp, huwa qal li kulħadd għandu d-dritt jagħmel il-kummenti tiegħu għax Malta hija pajjiż liberu.
Minkejja dan saħaq li każ bħal dan l-arrest li sar fl-Amerka ma jaqax taħt il-ġurisdizzjoni ta’ Malta u għalhekk il-massimu li Malta tista’ tagħmel hija toffri s-sapport.
Meta saret referenza għat-track record tal-kummissarju fil-korp tal-Pulizija huwa qal li jinsab kuntent u x-xogħol tiegħu għandu jitkellem waħdu hekk kif is-sena l-oħra kien hemm rekord ta’ qbid tad-droga kif ukoll ġew solvuti delitti li skontu, f’mitejn sena qatt ma kienu ġew investigati. Għaldaqstant jgħid li bosta jiddeċiedu li jikkritikawh xorta waħda.
Fi stqarrija mill-Ministeru għas-Sigurtà Nazzjonali ntqal li s-sistema l-ġdida tal-112 ġiet tiswa madwar €2.3 miljun u se tagħti l-faċilità lil min jirċievi t-telefonata biex ikun jista’ jistabbilixxi l-persuna u l-post minn fejn qed issir is-sejħa għas-servizz ta’ emerġenza.